Sunday, December 22, 2024

L-iskejjel tal-Knisja jilqgħu lura l-istudenti u l-edukaturi kollha

Aqra wkoll

Madwar 17,000 student u 3,000 edukatur qed jerġgħu lura fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika l-ġdida.

Il-55 skola tal-Knisja f’Malta u Għawdex f’dawn il-jiem qed jilqgħu fiżikament lill-istudenti u l-edukaturi kollha f’konformità mal-linji gwida tal-pandemija.

Dan seta’ jsir bil-ħidma li saret mill-iskejjel u li kompliet matul ix-xhur tas-sajf, kif ukoll bil-għajnuna finanzjarja mill-Istat.

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qal li minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, fosthom fil-qasam edukattiv, l-iskejjel tal-Knisja qed iħarsu b’ottimiżmu lejn din is-sena skolastika għaliex tfisser ritorn gradwali lejn normalità ġdida għall-istudenti u l-edukaturi.

Is-Segretarjat qal li l-pandemija wriet l-importanza ta’ għoddod diġitali li ser ikomplu jiġu adottati fl-iskejjel tal-Knisja, u fl-istess ħin il-ħtieġa ta’ esperjenza edukattiva fejn l-istudenti u l-edukaturi jkunu flimkien permezz tal-preżenza fiżika tagħhom.

F’messaġġ lill-istudenti u l-edukaturi kollha, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-edukazzjoni hija l-pern tal-ħajja soċjali, il-pern tad-demokrazija, u l-pern tal-konvivenza soċjali. Awgura li l-edukazzjoni tkun ukoll formazzjoni li tiftaħ mhux biss il-moħħ imma wkoll il-qalb tal-persuna

L-Arċisqof appella għal koperazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, bil-għan li t-tfal u żgħażagħ kollha jingħataw l-aħjar esperjenza edukattiva fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport