Friday, January 16, 2026

L-iskema irrinova tiftaħ għal 16-il lokalità oħra fin-Nofsinhar ta’ Malta

Aqra wkoll

Tħabbar il-ftuħ tal-iskema ‘Irrinova Darek’ għal-lokalitajiet fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni l-Perit Roderick Bonnici, tħabbar kif 16-il lokalità fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għotja sa massimu ta’ €15,000 sabiex jagħmlu xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fil-proprjetà tagħhom li jwasslu għal tnaqqis fl-użu tal-enerġija.

Din l-għotja tista’ tiżdied għal €16,000 jekk jiġi installat solar jew heat-pump water heater. Għall-installazzjoni ta’ pannelli solari, il-ko-inanzjament huwa ta’ 50%.

Il-Ministru beda biex jispjega li skont ċifri minn meta l-iskema ħarġet fir-Reġjun tat-Tramuntana matul is-sena l-oħra, daħlu madwar 2,200 applikazzjoni, li minnhom 1,900 kienu eliġibbli għat-tieni fażi. Kompla biex jgħid li l-applikazzjonijiet li għaddew għat-tieni fażi ġew indirizzati biex iqabbdu professjonisti, Periti jew Inġiniera, li huma wkoll assessuri tal-enerġija reġistrati mal-Awtorità. 

“Din l-iskema hija intiża wkoll li tkattar kultura ġdida ta’ sostenibbiltà, li tagħti opportunità lill-familji Maltin u Għawdxin biex jgħixu f’djar li jixraqilhom, li huma effiċjenti fl-enerġija u li jnaqqsu l-ispejjeż tal-ħajja” qal Dr Attard.

Huwa qal ukoll li din l-iskema timxi pari passu mal-Viżjoni ta’ Malta 2050, fejn pajjiżna se jkun f’pożizzjoni aħjar li jilħaq il-miri Ewropej f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli. 

“Iżda fuq kollox permezz ta’ din l-iskema l-Gvern qed ikompli jwettaq ġustizzja soċjali bi skema li se twieżen aktar lil dawk il-familji bi dħul baxx”, kompla jgħid il-Ministru filwaqt li qal li l-għajnuna lil dawk li jinsabu fuq il-benefiċċju tal-‘Inwork Benefit’ se tlaħħaq id-90% tal-ispiża totali u sa 75% għal dawk bi dħul medju. 

“Xogħlijiet bħal insulazzjoni, sistemi ta’ enerġija rinnovabbli u titjib fl-użu tal-enerġija mhux biss jagħmlu d-dar aktar komda, iżda wkoll jgħollu l-valur tal-propjetà tal-familji tagħna”, temm jgħid il-Ministru Attard filwaqt li rringrazzja lill-Awtorità u lil dawk kollha li qegħdin jaħdmu biex jintlaħqu l-miri ta’ binjiet aktar sostenibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, spjega li l-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa mid-19 ta’ Jannar sat-28 ta’ Frar u jistgħu jsiru biss online fuq is-sit bca.gov.mt. L-iskema hija miftuħa għas-sidien ta’ djar u inkwilini bil-kundizzjoni li jsiru interventi li jtejbu l-Energy Performance Certificate (EPC) tal-proprjetà.  

Huwa qal li x-xogħlijiet eliġibbli huma vari fosthom insulazzjoni, installazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, installazzjoni ta’ sistemi ta’ dwal u arja kundizzjonata effiċjenti, bdil ta’ aperturi għal aperturi li jipprovdu insulazzjoni fost l-oħrajn. Il-Perit Bonnici spjega li x-xogħlijiet iridu jkunu ħolistiċi u li flimkien iwasslu sabiex ikunu hemm titjib f’dak li għandu x’jaqsam ma’ effiċjenza fl-enerġija. 

Għal din it-tielet sejħa ta’ Irrinova Darek jistgħu japplikaw ir-residenti tal-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, iż-Żejtun, Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, il-Gudja, Ħal Luqa, il-Ħamrun, Marsaxlokk, Marsaskala, Santa Venera, Santa Luċija, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Din l-iskema hi mifruxa fuq ħames snin mal-pajjiż kollu inkluż Għawdex, fejn kull sena qed tinħareġ f’reġjun differenti skond l-Att tal-Kunsilli Lokali. 

Preżenti għall-konferenza kien hemm preżenti wkoll diversi msieħba u Sindki ta’ lokalitajiet fejn l-iskema se tkun disponibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport