Sunday, December 22, 2024

L-Iskema MicroInvest estiża għall-intrapriżi li jinvestu f’sistemi biex jappoġġjaw klijenti b’diżabilità

Aqra wkoll

L-iskema MicroInvest, operata mill-Malta Enterprise, qed tiġi estiża għall-intrapriżi li jinvestu f’sistemi ta’ appoġġ għall-klijenti b’diżabilità. Il-modifiki fl-iskema tħabbru mill-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti waqt żjara fil-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tal-IT (FITA).

Fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-FITA Carlo Stivala, il-Ministru Dalli u s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti spjegaw kif l-appoġġ finanzjarju se jgħin lill-intrapriżi applikabbli jimmodifikaw is-sistemi tal-kompjuter u s-siti elettroniċi eżistenti, għal aktar aċċessibbiltà għal persuni b’kapaċitajiet differenti.

L-iskema MicroInvest tgħin lill-intrapriżi biex jinvestu fin-negozju tagħhom, billi tappoġġja investimenti fl-innovazzjoni, espansjonijiet u żviluppi operattivi. Fl-2021 biss, il-Malta Enterprise rċeviet 3,852 applikazzjoni b’investiment ta’ aktar minn €35 miljun. L-iskema tipprovdi lill-intrapriżi bi kreditu ta’ taxxa kkalkulat bħala perċentwal tan-nefqa eliġibbli. Issa, intrapriżi li jinvestu biex itejbu s-servizzi tagħhom favur persuni b’diżabilità, huma eliġibbli għal kreditu ta’ taxxa ekwivalenti għal 45% tan-nefqa eliġibbli. Bonus addizzjonali ta’ 20% (jiġifieri total ta’ 65% kreditu ta’ taxxa) japplika għall-intrapriżi li joperaw minn Għawdex.

“Aħna impenjati li nkomplu ngħinu lill-intrapriżi biex jinvestu fil-kredenzjali ESG tagħhom – li waħda minnhom iddur madwar l-aspett soċjali. It-titjib fl-aċċessibbiltà hu wieħed minn dawn l-elementi u l-estensjoni tal-iskema MicroInvest hija għodda oħra li tappoġġja lill-intrapriżi f’din it-transizzjoni,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru ħeġġet ukoll lill-intrapriżi biex jibbenefikaw minn skema oħra mmexxija mill-Malta Enterprise, Facilitating Work Life for Individuals with Disability, li tagħti appoġġ lill-kumpaniji li jinvestu f’impjegati b’diżabilità. L-għajnuna taħt din l-iskema tingħata fil-forma ta’ għotja fi flus u tkopri 90% tal-ispejjeż eliġibbli sa għotja massima ta’ €10,000 għal kull proġett.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza tal-estensjoni tal-iskema Microinvest biex l-iżvilupp ta’ websites ikunu aċċessibbli għal kulħadd, inklużi persuni vulnerabbli, skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea. “Dan huwa l-għan tal-FITA, li tipprovdi għajnuna professjonali lin-negozji u lin-nies vulnerabbli li jtejbu l-aċċessibbiltà, speċjalment fuq il-post tax-xogħol.”

Huwa spjega li l-FITA qed tespandi l-ħidma tagħha biex persuni vulnerabbli jkollhom inklużjoni ħolistika fi ħdan il-komunità u jgħixu ħajja normali. “Din hi l-ġustizzja soċjali li l-Gvern irid jimplimenta f’pajjiżna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Ekonomija

Sport