Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li fetħet it-tieni fażi tal-Iskema ta’ Restawr ta’ Bini Antik fiż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana, għall-proprjetajiet residenzjali kollha li jinsabu fil-UCA madwar il-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “F’April ta’ din is-sena konna ħabbarna l-ftuħ tal-iskema għaż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana fir-Rabat Għawdex. Konna wegħedna wkoll li m’aħniex se nieqfu hawn u fil-fatt illum qegħdin inħabbru li din l-iskema se tinfetaħ għall-bqija tal-propjetajiet residenzjali li jinsabu fil-UCA fl-irħula kollha l-oħra madwar Għawdex. Aktar ’il quddiem ukoll se nestendu din l-iskema għal Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana f’Malta.”
Il-Gvern iddedika €58 miljun għall-Prijorità għall-Iżvilupp Sostenibbli Urban esklussivament għal Għawdex, fondi li diġà bdew jintużaw biex jitħejjew proġetti u inizjattivi konkreti għall-gżira. Minn dawn il-fondi Ewropej, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar irnexxielu jassigura €5 miljun sabiex jiġu restawrati proprjetajiet f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana madwar il-gżira. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ippjanar, assenjat ukoll nofs miljun ewro fondi nazzjonali sabiex il-kumplament ta’ Għawdex jibbenefika mill-iskema ta’ restawr.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega, “Kif irnexxielna nittrasformaw il-Belt Valletta permezz ta’ fondi Ewropej, issa wasal iż-żmien li Għawdex kollu jgawdi minn investiment simili, speċjalment issa li gżiritna tinsab fit-triq biex tkun rikonoxxuta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031.” Huwa kompla jgħid li dan il-pass juri bil-fatti li dan il-Gvern qed ipoġġi lil Għawdex fuq quddiem nett tal-viżjoni tiegħu. Dan għaliex permezz ta’ din l-iskema, li tħeġġeġ ir-restawr u l-preservazzjoni ta’ bini storiku, il-Gvern qed ikompli jippromwovi l-identità kulturali u arkitettonika ta’ Għawdex, filwaqt li jagħti ħajja ġdida liż-żoni urbani tradizzjonali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din l-iskema hi eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej u dawk nazzjonali qed jintużaw b’mod strutturat biex joħolqu riżultati tanġibbli għall-komunitajiet lokali. Huwa żied jgħid li din l-inizjattiva tagħmel parti mill-istrateġija għall-Iżvilupp Urban Sostenibbli li għall-perjodu tal-programm 2021–2027 qed tinvesti direttament f’Għawdex, mhux biss fil-qasam tal-wirt mibni iżda wkoll f’oqsma oħra bħall-inklużjoni soċjali, il-mobilità u proġetti ekoloġiċi.
“Permezz ta’ din l-iskema, qed nagħtu ħajja ġdida lill-irħula u l-bliet tagħna, billi nħeġġu lir-residenti jżommu l-karattru uniku tal-bini storiku u fl-istess ħin intejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna. Il-fondi Ewropej huma investiment fil-ħolm tan-nies tagħna, u għalhekk dan huwa investiment f’Għawdex li jħares il-passat tiegħu imma jħares ukoll ’il quddiem b’viżjoni ċara u sostenibbli,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Il-binjiet fil-UCA jistgħu jikkwalifikaw sa massimu ta’ €15,000, filwaqt li l-proprjetajiet skedati fi grad 1 jew 2 jistgħu jikkwalifikaw għal massimu ta’ €25,000, biex iwettqu xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċati tal-proprjetajiet tagħhom.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kull min għandu proprjetà fi ħdan iż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana f’Għawdex u jixtieq jirrestawra l-faċċata tagħha, sabiex japplika għal din l-iskema.
Għal aktar informazzjoni u biex japplika wieħed jista’ jidħol fuq https://pa.org.mt/built-heritage-restoration-scheme.
L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi permezz ta’ perit u, ladarba jiġu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar, jistgħu jibdew ix-xogħlijiet ta’ restawr approvati.

