Il-Gvern qed jipposponi l-introduzzjoni tal-iSkills Pass mandatorju għall-Maltin u ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea b’sena, mill-1 ta’ Jannar 2026, id-data oriġinarjament ippjanata, għall-1 ta’ Jannar 2027.
L-iSkills Pass daħal fis-seħħ f’Mejju 2024 bħala parti minn pjan biex gradwalment tiżdied il-kwalità tar-riżorsi umani fl-industrija tat-turiżmu, hekk kif stipulat fl-Istrateġija tat-Turiżmu ta’ Malta 2021-2030. Sa issa, permezz ta’ din is-sistema, aktar minn 13,000 ħaddiema fis-setturi tal-ospitalità u tal-ikel u x-xorb (catering) diġà kisbu l-iSkills Pass.
Is-suċċess tal-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-iSkills Pass kienet possibbli grazzi għall-konsultazzjoni wiesgħa u l-kollaborazzjoni kontinwa bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), li jmexxi din l-akkreditazzjoni, u dawk kollha li għandhom sehem f’din l-industrija.
B’koordinament ma’ dawk involuti f’dawn l-oqsma, u bi qbil mal-Politika Maltija dwar il-Migrazzjoni tal-Ħaddiema li tħabbret riċentement, il-Gvern qed jirrevedi l-istadju li jmiss ta’ dan il-pjan, sabiex filwaqt li l-iSkills Pass se jibqa’ obbligatorju għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi, l-introduzzjoni tiegħu b’mod obbligatorju għall-ħaddiema Maltin u minn pajjiżi tal-UE se jiġi differit b’sena, u se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027. Dan l-aġġustament, li se jiġi introdott permezz tal-Avviż Legali 113 tal-2025, se jiżgura li dan il-pjan ikompli jitwettaq mingħajr xkiel, filwaqt li jinżamm l-ispirtu kollaborattiv li wassal għar-riżultati pożittivi li nkisbu s’issa. Fl-istess waqt, dan it-tibdil ser jiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda lill-Gvern biex jespandi s-suċċess tal-iSkills Pass f’setturi oħra, lil hinn mit-turiżmu u l-ospitalità.
Matul is-sena li ġejja, il-Gvern se jkompli jikkonsulta ma’ dawk kollha konċernati biex jiżgura li l-miri ta’ din l-inizjattiva jintlaħqu, filwaqt li jkompli jappoġġja l-impenn ta’ din l-industrija lejn prodott turistiku ta’ kwalità ogħla. Il-Gvern ser jibqa’ jgħin it-tkabbir sostenibbli ta’ din l-industrija filwaqt li jiżgura li s-suq tax-xogħol ikompli jissaħħaħ bil-ħiliet u t-talenti meħtieġa għall-iżvilupp kontinwu tal-ekonomija tal-pajjiż.
Intant fi stqarrija l-ACE tilqa’ l-posponiment mill-gvern tal-pass obbligatorju tal-ħiliet għaċ-ċittadini Maltin u tal-UE
Wara ġimgħat ta’ diskusjonijiet mal-Uffiċju tal-Prim Ministru, l-uffiċju tad-Deputat Prim Ministru u mal-Ministru għat-Turiżmu, mal-Ministru tal-Intern, l-ACE tilqa’ din id-deċiżjoni tal-Gvern ta’ posponiment tal-iSkills Pass b’sena kemm għal ċittadini lokali u anke dawk Ewropej.
L-ACE tixtieq tirringrazzja lill-awtoritajiet kollha għall-ftehim dwar kwistjoni daqshekk delikata. L-assoċjazzjoni tħoss li deċiżjoni bħal din żgur li se ttaffi l-isfida enormi tar-riżorsi umani li l-industrija diġà qed tiffaċċja kuljum.