Wednesday, December 25, 2024

“L-iSkittles m’għandhomx jiġu kkunsmati min-nies”

Jenile Thames, Amerikana li tgħix f’San Leandro

Aqra wkoll

Jenile Thames, Amerikana li tgħix f’San Leandro, Kalifornja, fetħet kawża l-qorti kontra Mars (kumpanija li tipproduċi prodotti tal-ikel u l-ħelu, fosthom il-famużi ‘Skittles’) fejn qed takkużaha li dan il-ħelu mhux tajjeb biex jiġi kkunsmat min-nies minħabba li allegatament fih traċċi ta’ titanium dioxide.

Thames qed takkuża lill-kumpanija talli m’għarrfitx lill-konsumaturi dwar il-preżenza ta’ din il-kimika. It-titanium dioxide, magħruf bħala TiO2, huwa white colouring agent li normalment jintuża ma’ affarijiet bħal kejkijiet, xemgħat, toothpastes u żebgħa.

F’Marzu li għadda, il-leġiżlaturi Ewropej ipprojbixxew l-użu tal-kimika TiO2 bħala ingredjent addizjonaai mal-ikel — miżura li għandha tidħol fis-seħħ f’Awwissu li ġej. Dan minħabba li hemm tħassib serju illi din il-kimika tista’ tikkawża ħsara fid-DNA tal-bniedem, ħsara li maż-żmien tista’ tirriżulta f’kanċer.

Lura fl-2016, il-kumpanija Mars kienet iddikjarat li fi żmien ħames snin se tkun qatgħet l-użu tal-kuluri artifiċjali (inkluż it-TiO2). Però, issa li għaddew sitt snin, din il-kumpanija qed tiġi akkużata li ma żammitx il-wegħda li għamlet lill-konsumaturi tagħha. 

Min-naħa tagħha, Mars, f’kumment lil tat lill-ġurnal Amerikan ‘The Washington Post’ sostniet li l-produzzjoni tal-iSkittles qed issir skont ir-regolamenti maħruġa mill-FDA (America’s Food and Drug Administration) — l-amministrazzjoni li hi inkarigata minn dawn l-affarijiet, u kompliet tgħid li l-kimika TiO2 mhix illegali diment li l-użu tagħha jkun wieħed minimu.

Interessanti li mhux kull pajjiż għandu l-istess fehma dwar it-titanium dioxide. Filwaqt li l-Ewropa se tkun qed tipprojbixxi l-użu tat-TiO2, ir-Renju Unit ma jidhirx favur din il-miżura, tant li din il-kimika mhix se tkun ipprojbita f’dan il-pajjiż.

Ekonomija

Sport