Il-kampus f’Għawdex tal-Università Queen Mary ta’ Londra li jilqa’ fih l-iskola medika ta’ Barts, iġġenera €65 miljun fl-ekonomija Għawdxija mill-2017 ‘l hawn. Dan joħroġ minn rapport tekniku li sar mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali t’Għawdex.
Dan il-kampus ta’ eċċellenza inbena bejn is-sena 2017 u s-sena 2019, ġie jiswa €25 miljun u kien jagħmel parti mill-konċessjoni tal-isptarijiet fejn il-kumpanija Amerikana Steward ħallset hi għal dan l-iżvilupp.
L-iskola medika ta’ Barts toffri korsijiet ta’ ħames snin. Ir-reġistrazzjoni għall-korsijiet kibret matul is-snin. Matul is-sena akkademika preżenti, ġew irreġistrati 295 student minn 51 nazzjon differenti. L-istudenti ġejjin mill-Ewropa, mill-Asja, mill-Afrika, mill-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel u anki l-Awstralja.
Il-kampus, li jinsab ħdejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fih awditorju, żewġ teatri iżgħar għall-lectures, ċentru tal-anatomija, żewġ laboratorji tal-kompjuter kif ukoll kmamar għat-tagħlim.
Dawn il-faċilitajiet filwaqt li jaqdu l-esiħenzi tal-iskola medika, jintużaw ta’ spiss minn diversi istituzzjonijiet u għaqdiet mhux governattivi għal avvenimenti bħal konferenzi, workshops, seminars, lekċers,
u laqgħat ġenerali annwali.
Lil hinn mill-impatt ekonomiku dirett tiegħu, l-investiment fil-Kampus ħoloq 130 impjieg ġdid f’Għawdex, prinċipalment fis-settur edukattiv kif ukoll fis-settur tal-amministrazzjoni.