Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, Patrick Decelis, dwar l-allegat każ ta’ vann abjad li pprova jgħabbi tfal tal-iskola
Miktub minn Carmen Cachia
Messaġġ li sar fuq il-midja soċjali bi twissija lill-ġenituri ta’ studenti li jkunu qegħdin jistennew it-trasport tal-iskola allega li hemm periklu minn sewwieq ta’ vann abjad li pprova jgħabbi lit-tfal. Minkejja li f’dan il-messaġġ jingħad li sar rapport lill-iskola kkonċernata, il-Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Marija Reġina, Patrick Decelis, ikkonferma ma’ dan il-ġurnal li fl-iskola Medja tan-Naxxar ma waslilhomx rapport ta’ dan it-tip.
F’dan il-messaġġ kien hemm miktub li tfal ta’ 12-il sena li kienu qegħdin jistennew it-trasport tal-iskola tan-Naxxar quddiem il-Gormina f’San Pawl il-baħar, waqaf vann abjad u persuna bdiet iġġiegħelhomm jirkbu. Jingħad li dan il-każ, barra f’San Pawl il-baħar seħħ anke ukoll fil-Fgura.
Patrick Decelis il-bieraħ minnufih ħa bis-serjetà din l-allegazzjoni u għamel komunikat mal-Kap tal-iskola Medja tan-Naxxar, mal-Assistent tal-Kap inkarigat mit-Trasport, kif ukoll ma’ għalliema li normalment jagħmlu xogħol ta’ superviżjoni fejn irriżulta li dawn kollha ma waslilhom ebda rapport dwar vann abjad li pprova jiġbor studenti.
Kelliem għall-Pulizija kien diġà kkonferma magħna li fid-data indikata ma saru ebda rapporti b’konnessjoni ma’ dan il-każ.