Grupp ta’ studenti ta’ skola sekondarja f’Ħal Qormi ġew sospiżi wara filmati tagħhom li fihom dehru jaġixxu b’imġiba inaċċettabbli fejn saħansitra taw in-nar lil xi tankijiet taż-żibel. Il-filmati komplew jiċċirkolaw fuq TikTok u juru studenti oħra jiġru fil-kurituri tal-iskola lebsin maskri u jivvandalizzaw partijiet mill-istess skola.
Fl-ewwel reazzjoni ma’ The Times of Malta l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal li filwaqt li l-istudenti żbaljaw, jara li bħala Ministeru ħa deċiżjoni aħjar billi ta lill-istess studenti xi xogħol li jista’ jservi ta’ servizz lill-komunità. Il-Ministru qal li l-iskola mhix hemm biex tikkundanna iżda biex teduka u għalhekk it-talenti jeħtieġ jiġu sfruttati biex minnhom isir il-ġid u mhux bil-kontra.
Min-naħa l-oħra Marco Bonnici f’isem l-Union tal-Għalliema qal li m’għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal din l-imġiba.