Saturday, December 21, 2024

L-Iskola tal-Imsida se tiġi inawgurata din il-ġimgħa

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa se tkun inawgurata uffiċjalment l-iskola tal-Imsida. Din hija l-ewwel skola pubblika carbon neutral li qatt inbniet lokalment u għandha mal-40 klassi, ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li tesa’ madwar 300 persuna. 

Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta lbieraħ fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2025 għal dan il-Ministeru. 

Id-disinn tal-bini tal-imsemmija skola sar skont standards tal-aqwa prattika u b’tali mod biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ta’ enerġija jkunu kemm jista’ jkun baxxi. Bħala parti minn dan il-proġett inbena wkoll kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts. 

Taħt l-iskola hemm parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli li se jieħu madwar 180 karozza. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €24 miljun u huwa parzjalment iffinanzjat mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tal-Unjoni Ewropea. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Grima rrefera għal proġetti oħra li saru mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) taħt Gvern Laburista fosthom l-iskejjel ta’ Ħad-Dingli, ta’ Ħal Kirkop, tal-Qawra, ta’ Marsaskala, tar-Rabat Malta, tar-Rabat Għawdex, ta’ Ħal Għaxaq u dik tan-Nadur.

Huwa kompla billi nnota kif il-miżuri mħabbra fil-Budget għas-sena d-dieħla jammontaw għal €93 miljun iktar minn dak li ġie allokat għal din is-sena għall-edukazzjoni, l-isport, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, b’total globali li jlaħħaq aktar minn €1 biljun.

Il-Ministru Grima tenna li jieħu pjaċir jisma’ lill-Oppożizzjoni tgħid li taqbel mal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni li ressaq ‘il quddiem dan il-Gvern, strateġija li hi mibnija fuq numru ta’ inizjattivi fosthom strateġiji varji li huma l-pilastri li bdew it-triq ħalli fi kliemu “naslu fejn għandna naslu”. 

Semma wkoll kif minbarra l-proġetti ta’ skejjel ġodda, għaddejja ħidma anke f’dak li jirrigwardja l-manutenzjoni tal-iskejjel madwar il-pajjiż. Dwar is-settur sportiv, huwa ħabbar li fiż-żmien li ġej se jkunu qed jiġu inawgurati wkoll aktar faċilitajiet sportivi fil-Marsa.

“Budget li joħloq pedamenti sodi għal futur aktar b’saħħtu”

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal li l-Budget mhux biss jagħti gwida għas-sena li ġejja imma joħloq ukoll pedamenti sodi għal futur aktar b’saħħtu u ġust għal kulħadd, riflessjoni ta’ Budget li jixhed il-viżjoni ċara u l-impenn tal-Gvern li jisma u jwieġeb b’determinazzjoni għall-ħtiġijiet tal-poplu.

Huwa żied jgħid li l-Gvern se jibqa’ għaddej b’mod deċiżiv u effettiv fejn il-bidla u l-azzjoni huma meħtieġa għaliex inħossu d-dmir li mwettqu politika li tgħolli l-livell tal-ħajja għal kulħadd f’termini ekonomiċi iżda fuq kollox fil-ġustizzja soċjali, il-kwalita tal-ħajja u serħan il-moħħ għal kull familja u kull individwu.

Azzopardi Tanti rrefera wkoll għat-tiġdid li qed iseħħ u l-wegħda li dan pajjiżna jkompli jikber għal ġid ta’ kulħadd partikolarment għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu. Dan l-impenn jidher ċar fl-inizjattivi u miżuri li jittieħdu fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jindirizzaw l-isfidi u jiftħu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ Maltin.

Semma wkoll kif il-ġenerazzjoni żagħżugħa dejjem kellha importanza kbira għall-Partit Laburista fejn l-involviment taż-żgħażagħ jibqa prijorità fit-tmexxija u d-direzzjoni li pajjiżna jrid jieħu fil-futur.

Huwa ħabbar li matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa s-sena d-dieħla, pajjiżna se jkollu l-opportunità unika sabiex juri s-suċċessi tagħna u jipprovdu pjattaforma biex tiġi mbuttata ‘l quddiem politika aktar orjentata lejn iż-żgħażagħ.

Intervjena wkoll id-Deputat Laburista Ray Abela li qal li s-sena d-dieħla il-qasam tal-edukattiv se jara żieda ta’ 93 miljun ewro fuq dak ta’ din is-sena. Huwa sostna li dan huwa ċertifikat ta’ kemm il-gvern preżenti jemmen fl-edukazzjoni u fil-ħiliet tat-tfal u effettivament tal-poplu Malti kollu tant li f’10 snin in-nefqa fl-edukazzjoni aktar milli rduppjat.

Abela fakkar li l-Budget 2025 se jiffoka fuq aktar miżuri fl-isport, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, oqsma li fuq kollox tant huma mportanti għal pajjiżna sabiex ikompli jiżviluppa mal-bqija tad-dinja. Huwa stqarr ukoll li bla dubju, il-futur tal-edukazzjoni f’pajjiżna huwa ffurmat minn diversi sfidi fosthom it-teknoloġija diġitali u l-ħtiġijiet tas-soċjetà f’ekonomija li qed dejjem tinbidel.

Id-deputat Laburista temm jgħid li għalhekk, irridu nkomplu ninvestu fuq skemi ta’ sostenn bħal l-edukazzjoni tul il-ħajja li jippromwovu l-ħiliet u t-titjib ta’ dawn il-ħiliet fejn il-ħaddiem jibqa jingħata appoġġ finanzjarju sabiex ikompli jitħarreġ u jtejjeb il-karriera, il-pagi u l-kundizzjonijiet tiegħu.

Id-Deputata Laburista Abigail Camilleri qalet li erġajna assistejna għal Budget b’ruħ soċjali għax nemmnu li kull studenti għandu jkollu kull għajnuna possibbli biex jasal fejn jixtieq jasal. “Ilqajt bi pjaċir l-estensjoni ta’ Skema 9 fejn studenti ġejjin min familji bi dħul baxx jistgħu jibbenefikaw minn uniformi b’xejm, lunch kuljum, stationery u fotokopji b’xejn kif ukoll minn attivitajiet extra-kurrikulari. Din is-sena dawn it-tfal se jibbenefikaw minn 150 ewro biex jixtru kotba li jixtiequ sabiex ikollhom librerija żgħira fid-dar,” qalet Camilleri. “Inħeġġeġ lill-ġenituri sabiex irawmu f’uliedhom l-imħabba lejn il-qari minn età żgħira.” 

Min-naħa tagħha, id-Deputata Laburista Amanda Spiteri Grech enfasizzat fuq l-importanza tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni, li ssejjes u tfassal il-ħtieġa li kull student għandu bżonn, għaliex il-miġja edukattiva ta’ kull student trid tkun il-libsa partikolari għal kull student. Hija fakkret ukoll li kien Gvern Laburista li għamel it-trasport b’xejn għall-istudenti kollha, l-eżamijiet b’xejn għall-istudenti kollha filwaqt li ħoloq pjattaformi u servizzi sabiex l-istudent dejjem jikseb l-aħjar. 

Id-Deputata Laburista Davina Sammut Hili tkellmet dwar il-ħtieġa li bħala Gvern jibqgħu jimbuttaw ‘il quddiem l-isports u li jibqgħu jagħtu l-importanza lil dan is-settur sa minn età żgħira. Fost l-oħrajn semmiet kif il-Gvern huwa kommess li jħallas l-ewwel sitt xhur sħubija ma’ gym għal żgħażagħ li twieldu fl-2005, fl-2006 u fl-2007. “Irridu komplu nħarsu ‘l quddiem u ngħinu l-atleti u l-isportivi jieħdu l-aħjar taħriġ prfessjonali kemm f’pajjiżna kif ukoll f’pajjiżi barra minn xtutna. Ejja nkomplu naħdmu qrib id-dixxiplini sportivi kollha,” qalet Sammut Hili. 

Ekonomija

Sport