“L-iskop wara l-attività tas-Sibt kien li nkabbru l-kuxjenza dwar l-imħabba. Kienet stedina miftuħa għal kulħadd, f’post pubbliku, u ħadt gost li laqgħuha ħafna familji, b’nies ta’ kull età,” bdiet biex tistqarr is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg f’kitba li qasmet mas-segwaċi tagħha b’reazzjoni għal xi kummenti negattivi li ċċirkolaw fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali b’rabta ma’ din l-attività.
Hija kompliet tispjega li matul din l-attività, li saret bħala parti mit-tħejjijiet għall-EuroPride ta’ din is-sena li se tiġi ċċelebrata f’Settembru li ġej, kien hemm atmosfera pożittiva, ikkaratterizzata mill-briju u l-ferħ — ġesti li ċertament juru sinjal ċar tal-għaqda u l-ugwaljanza, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tal-individwu.
Buttigieg temmet tgħid li t-tfal huma ta’ eżempju għalina l-kbar li forsi jista’ jkun għandna xi tip ta’ preġudizzji sforz id-dinamika differenti li trabbejna fiha: “Kemm għandna x’nitgħallmu mill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li jridu dinja bla preġudizzji u b’ħafna rispett”.