F’rapport li ħareġ fil-ġurnal awtorevoli Skoċċiż The Herald jagħti parir lil pajjiżu biex jimxi fuq il-passi ta’ Malta jekk irid jikseb suċċess fl-industrija tal-films. Fost dawn huwa jsemmi produzzjonijiet blockbusters li nġibdu fil-faċilitajiet ta’ Malta fosthom Jurassic World: Rebirth, Gladiator 2 u Napoleon.
The Herald jgħid li l-Iskozja minkejja li m’għandhiex il-klima li għandha Malta biex tiġbed lejha produtturi tal-films, b’danakollu għandha wħud mill-isbaħ xenarji fid-dinja. “Għalhekk hemm lezzjoni x’tittieħed dwar kif l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, l-industrija tal-films irnexxielha tiġġenera fl-ekonomija tal-pajjiż mhux inqas minn biljun lira sterlina f’ħames snin.”
Ir-rapport jgħid li minkejja din is-somma hi waħda sostanzjali, b’danakollu l-benefiċċji addizzjonali li gawdiet minnhom l-ekonomija lokali huma ferm akbar billi l-ispejjeż li għamel wieħed huma d-dħul għal xi ħadd ieħor. Hemm ukoll il-benefiċċju li din l-industrija tħalli dħul għal-lukandi, stabbilimenti tal-ikel, trasport u ħwienet tar-retail.
Ir-rapport jelenka wkoll li anke l-qasam tal-agrikoltura u s-sajd gawdew b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, aktar minn £500 miljun iddaħħlu f’sena waħda biss, fl-2023, meta 18% tat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta sar permezz tal-produzzjonijiet tal-films.
L-industrija tal-films f’Malta llum taħdem fil-ġranet tas-sena kollha. Bla dubju films kbar inġibdu f’Malta matul is-snin fosthom Midnight Express, Popeye, The Count of Monte Cristo, Raise the Titanic, Troy, Munich, World War Z u Captain Phillips.
Fir-rapport jissemma’ wkoll kif bħalissa qed jinġibdu tmien produzzjonijiet tal-films mifruxa fuq 50 lokalità. Dan filwaqt li bejn April u Ġunju kien hemm tmien produzzjonijiet oħra kull xahar.
Punt ieħor li jsemmi The Herald huwa l-fatt tal-cash rebate li bdiet fl-2005 b’20% u fl-2019 din telgħet għal 40%. F’dan ir-rigward l-Iskozja għandha skema simili iżda limitata għal 25%, li mhix kompetittiva ma’ pajjiżi oħra meta jiġu biex jattiraw lejhom produzzjonijiet ta’ spiża akbar.
Minn meta Malta għolliet il-cash rebate għal 40%, Malta attirat 169 produzzjonijiet tal-films b’budgets li jlaħħqu l-£580 miljun.
“Minkejja li l-iskema tal-cash rebate ġibdet lejh kritika fis-sens li qed tagħti lura lill-produtturi ta’ Hollywood aktar milli tagħti lill-artisti lokali, madanakollu għal kull £1 li tonfoq permezz tal-iskema, l-industrija tal-films f’pajjiżna qed iddaħħal lura £3 fl-ekonomija. Mhux dan biss imma fuq medda ta’ ħames snin l-industrija sostniet 15,000 impjieg f’Malta u bħalissa hemm 1,000 impjegat fl-industrija tal-films,” żied jingħad fir-rapport.
Dwar dan ir-rapport ta’ The Herald ikkummenta l-Kummissarju tal-Films Johann Grech li qal li pajjiżna rnexxielu jpoġġi lilu nnifsu fuq il-mappa dinjija tal-films. Fl-istess waqt, din l-industrija stabbilixxiet ruħha bħala “powerhouse” għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta.