Sunday, July 20, 2025

L-ISKUŻA TAT-TIKKETTA UMANITARJA … BIEX DAK IMMORALI JSIR LEĠITTIMU

Aqra wkoll

‘Belt umanitarja’. “Se jkollhom fiha sptarijiet”. ‘Se jkollhom l-ikel’.  ‘Kuridur sigur’. ‘Żona sigura’. Dawn huma xi dikjarazzjonijiet li saru dwar proposta Iżraeljana biex tinbena dik li ssejħet belt umanitarja fuq il-fdalijiet ta’ dak li fadal minn Rafah. Kliem sabiħ kemm trid. Għal darba oħra qegħdin naraw xi ħaġa mogħtija tikketta b’aġġettivi sbieħ u umani. Xi ħaġa li qegħdin narawha b’mod kontinwu fejn jidħol il-kunflitt f’Gaża. Azzjoni jew pjan, jitgeżwer f’tikketta ‘umanitarja’. Nemmnu li dan qiegħed isir bi skop. Biex dak li hu immorali jsir leġittimu.

Rajna kif sar l-imblokk ta’ provvisti ta’ ikel u provvisti oħrajn lil Gaża. Imblokk li twettaq minn Iżrael. Rajna poplu prattikament imut bil-ġuħ. Rajna tfal li spiċċaw għadma u ġilda. U wara pressjoni twaqqfet dik imsejħa il-Gaza Humanitarian Foundation. Għal darba oħra, inizjattiva li fiha iddaħħlet il-kelma ‘umanitarja’.  Impressjoni li tieħu li din kienet xi aġenzija umanitarja imma xejn minn dan. Kienet inzijattiva imwaqqfa bejn l-Istati Uniti u Iżrael u mmexxija minn operatur privat Amerikan. U x’beda jiġri? Eluf ta’ Palestinjani, ħafna minnhom diġà dgħajfin minn xhur ta’ nuqqas ta’ ikel għamlu l-vjaġġ twil—xi wħud imxew aktar minn 10 kilometri miċ-ċentru u n-nofsinhar ta’ Gaza bil-għan li jaslu f’ċentru għat-tqassim tal-ikel f’Rafah mill-istess fondazzjoni. Illum ir-realtà qiegħda turina li dawn iċ-ċentri ta’ tqassim ta’ ikel huma litteralment ‘nassa’. Tmur fihom b’riskju li tintlaqat minn sparaturi u tispiċċa bla ħajja. Kienu diversi il-Palestijani li kellhom dan id-destin. Ix-xeni li tara, u li dwarhom jeżisti skiet kbir minn għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja u mill-Unjoni Ewropea, huma xokkanti. Eluf ta’ Palestinjani ippakkjati f’żona magħluqa qisha kamp b’gaġeġ tal-metall.  Iniżjattiva immorali u illegali, li qegħdin jippruvaw iġibuha waħda leġittima. 

L-istess tattika issa qiegħda tintuża fejn jirrigwarda il-proposta li saret mill-Ministru tad-Difiża Yisrael Katz, li jinvolvi l-bini ta’ “belt umanitarja” fuq il-fdalijiet ta’ Rafah. Lil hinn mill-kliem sabiħ, xi tfisser din?  Tfisser li se tkun qed tpoġġi lill-Palestinjani f’ħabs. Simili għal kamp ta’ konċentrament. Għal darba oħra qegħdin naraw li donnu li Iżrael u l-Istati Uniti jemmnu li hu biżżejjed li titwaħħal tikketta bi kliem ‘umanitarja’ biex kull att li hu immorali u illegali, jippruvaw ibiegħuh u jġibuh f’għajnejn in-nies bħala wieħed leġittimu.

Dan hu pjan li jrid li jinġabru bil-forza persuni ċivili, inklużi t-tfal, f’żoni ssiġillati bħal kampijiet fuq il-fdalijiet ta’ djarhom—taħt kontroll militari u detenzjoni indefinita. Pjan li ħafna donnu qegħdin jinjorawh. Ma jridux jitkellmu fuqu. Anki gvernijiet. Ibda mill-Unjoni Ewropea skiet totali. Ħares lejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, ma lissnu ebda kelma.   Kif jista’ jkollok gvernijiet li jibqgħu siktin quddiem dan. Kif tista’ tinjora dak propost?  

Għax xi tfisser din il-belt li qalulna li se tkun ‘umanitarja’?  Tfisser l-ispostament ta’ ammont kbir ta’ nies. Tfisser it-tneħħija ta’ poplu minn art twelidu biex tiġborhom f’żona ikkontrollata. Ma’ tridx tkun għaref biex tinduna xi jridu jagħmlu? La darba miġburin hemm jagħmlu analiżi taż-żgħażagħ u jikkonfinawhom, dan waqt li l-arma tal-ġuħ u l-bumbardament tintuża bħala għodda ta’ kontroll. Prattikament ineħħulhom id-dritt li jibqgħu f’arthom. 

U jekk wieħed janalizza dak li ilu għaddej fil-kunflitt f’Gaża, faċilment jasal għall-konklużjoni li din hi pass ieħor fi strateġija ikkordinata. Prattikament din imsejħa ‘belt umanitarja’ nistgħu ngħidu li se tkun l-att finali.

Dan hu spustament sfurzat. Inutli jintuża kliem sabiħ. Inutli tintuża l-lingwistika biex jinħbew il-pjani ta’ spustament sfurzat. 

U biex jippruvaw igewżruha aktar f’tikketta sabiħa, qalu li din se tkun ‘evakwazzjoni volontarja”. U hawn trid tistaqsi  x’evakwazzjoni volontarja?  Kif tista’ tgħid li xi ħadd qed jagħmel evakwazzjoni volontarja meta qed jaħrab mill-ġuħ? Meta qed jaħrab minn  bombi u attakki kontinwi? 

Illum hu ċar aktar minn qatt kabel li din il-gwerra ma fadlilha l-ebda objettiv militari. Ma fadlilha ebda objettiv diplomatiku. L-uniku objettiv hu li l-art tittieħed.  Hu ċar illum aktar minn qatt qabel, qegħdin naraw sitwazzjoni ta’ dominanza kolonjali. Attitudni li qiegħda tirrendi lill-poplu Palestinjan bħal li jridu jiġu kkontrollat u ristrett. Tattakka is-sovranità tagħhom.  Tattakka id-dritt li jgħixu u jirritornaw f’arthom. Tipprova tħassar l-istorja.  Nemmnu u dan b’dispjaċir kbir, li din hi politika ta’ tindif etiniku.

U minħabba ma nistgħux nifhmu is-skiet. Ma nistgħux nifhmu u mhux aċċettabli li wieħed jibqa’ b’fommu magħluq. Li jibqa’ jinjora. Din hi traġedja umana. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport