Wednesday, November 20, 2024

L-iskwadra tal-Polonja skortata minn ajruplani tal-gwerra fi triqitha lejn il-Qatar

Aqra wkoll

It-team nazzjonali tal-Polonja kien skortat minn ajruplani tal-ġlied F-16 fi triqithom lejn il-Qatar għat-Tazza tad-Dinja li proprju għada se jingħata bidu għal din il-manifestazzjoni mondjali.  

Tard il-Ħamis fil-għaxija, żewġ ajruplani tal-armata ttajru biex jgħassu l-ajruplan li kien qed iġorr lill-iskwadra Pollakka li qed tieħu sehem għall-ewwel darba mill-1986.

Ir-raġuni għall-iskorta tal-ogħla klassi kienet il-mewt ta’ żewġ ċittadini Pollakki f’razzett erba’ mili mill-fruntiera tal-Ukrajna, nhar it-Tlieta li għadda, meta ġiet sparata missila. 

Laqgħa ta’ emerġenza tan-NATO segwiet dan l-attakk li ħalla vittmi żewġ bdiewa. 

Iżda l-President tal-Polonja, Andrzej Duda, qal nhar l-Erbgħa li missila tad-difiża tal-ajru tal-Ukrajna x’aktarx kienet ikkawżat l-“inċident sfortunat”.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO ta x’jifhem ukoll li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ attakk intenzjonat mir-Russja.

Iżda dan ma waqqafx l-iskorta difensiva lejn il-fruntiera Pollakka fir-rotta lejn il-Lvant Nofsani.

Il-kont ta’ Twitter tat-tim nazzjonali kien jgħid: “Konna eskortati lejn il-fruntiera tax-xlokk tal-Polonja minn ajruplani F16.

Fir-round ta’ kwalifikazzjoni, il-Pollakki temmew fit-tieni post wara l-Ingilterra, iżda mbagħad irċevew bye fis-semifinali tal-play-off tagħhom, ironikament minħabba li r-Russja ġiet skwalifikata wara l-invażjoni tal-Ukrajna.

Imbagħad huma lagħbu f’darhom fil-partita deċiżiva kontra l-Isvezja fejn ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0. 

Fit-Tazza tad-Dinja, huma jibdew l-impenji tagħhom fi Grupp C kontra l-Messiku nhar it-Tlieta li ġej, biex imbagħad jiffaċċjaw lill-Arabja Sawdija u lill-Arġentina rispettivament.  

Sport