Wednesday, July 9, 2025

‘L-isnooker huwa sport li jagħtik ħafna sodisfazzjon’ – Lothar Mallia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-billiards u s-snooker?

Din ġiet b’mod naturali minħabba li missieri minn dejjem kien iħobb il-logħba u fil-fatt kien hu li għallimni nagħti l-ewwel kolpi meta kien għad għandi madwar ħames snin. Imbagħad, fl-etá ta’ madwar 14-il sena, bdejt nikkompeti f’tournaments lokali tas-snooker u anke tal-Eight Ball Pool. Minkejja li l-logħba tas-snooker kienet dejjem iktar għal qalbi, huwa fatt magħruf li din titlob ħafna aktar dedikazzjoni u ħin għat-taħriġ, u għalhekk fuq livell kompetittiv, dejjem iffukajt aktar fuq il-logħba tal-Eight Ball Pool tant li rrapreżentajt lil Malta f’diversi Kampjonati Internazzjonali.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Segretarju tal-Malta Billiards and Snooker Association.

Għalija dan l-irwol ifisser kuntatt kontinwu u ħidma favur il-players membri tal-Assoċjazzjoni tagħna, kemm biex nippromvowu l-logħba tas-snooker u norganizzaw diversi tournaments lokalment u kemm biex jinkisbu riżultati prestiġjuzi fuq livell internazzjonali.

L-aħħar snin kienu partikolarment aktar impenjattivi minħabba li organzizzajna f’pajjiżna l-Kampjonati Ewropej f’Marzu 2023. Dan fisser ħidma bla waqfien biex saru l-preparamenti kollha neċessarji, kif ukoll ko-ordinament biex mal-500 persuna li żaru pajjiżna jiġu mogħtija l-aqwa servizz possibbli u jkollna Kampjonati ta’ suċċess.

Riċentament organizzajna wkoll f’Novembru 2024 l-‘International Challenge Cup’ fejn ilqajna ġewwa l-Akkademja tas-Snooker fil-Hamrun players mill-Irlanda, Irlanda ta’ Fuq, Skozja u Franza u u tajna b’hekk iktar opportunitajiet lil players Maltin li jikkompetu kontra players barranin ġewwa pajjiżna stess.

X’tikkummenta fuq min jgħid li s-snooker m’għandux jitqies bhala sport?

Fil-fehma tiegħi, min jgħid hekk ma jkunx jaf x’inħu jgħid għax probabbilment qatt ma jkun qabad stikka b’idu. Min mhuwiex midħla tas-snooker, iżda li ġieli segwa xi logħba fuq it-televixin bejn players professjonali, jara l-faċilitá li dawn il-players juru u forsi għalhekk jaf jasal għall-konkluzjoni li dan l-isport huwa wieħed faċli.

Iżda min jaħseb hekk, nistiednu jsib ċans jgħaddi sal-Akkademja tas-Snooker ġewwa l-Ħamrun u hemmhekk jipprova xi kolp jew tnejn u malajr jagħraf x’kapaċitá, x’konsistenza u x’konċentrazzjoni, player tas-snooker irid ikollu.

Għalhekk, bla dubju ta’ xejn, l-isnooker huwa sport li jirrikjedi kapacita’ kbira u jagħtik ħafna sodisfazzjon!

Kemm hu importanti l-aspett mentali fl-isnooker?

Players tas-snooker jiddedikaw sigħat twal għat-taħriġ bħal kull sport ieħor. Peró, nemmen li fattur ewlieni li jiddistingwi l-isnooker minn sport ieħor huwa l-aspett mentali.

L-isnooker huwa sport li jirrikjedi preċiżjoni kbira b’mod kontinwu u għalhekk player tas-snooker ma jistax jagħti prestazzjoni tajba u jaspira li jirbaħ logħba jew saħansitra tournament sakemm ma jkunx kapaċi jiffoka biss fuq il-logħba u ma jħalli lil ħadd u xejn itellfu. Huwa għal din ir-raġuni li filwaqt li fi sport ieħor is-sapport kontinwu mill-ispettaturi hu fattur ewlieni, waqt logħba snooker tisma’ skiet perfett għajr għal wara li jkun ingħata xi kolp tajjeb u tisma’ ċ-ċapcip tal-pubbliku preżenti.

Kemm issibu ghajnuna minn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti?

L-għajnuna minn dawn l-enitijatijet kif ukoll mill-Gvern ċentrali hija waħda kbira u ta’ dan grati ħafna lejhom għax mingħajr is-sapport tagħhom, żgur ma jkunx possibli għalina li nwettqu l-pjanijiet kollha li jkollna. Fost l-oħrajn, wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Assoċjazzjoni hija li kull sena l-aqwa players tagħna jikkompetu f’kompetizzjonijiet internazzjonali u dan naturalment ifisser spejjeż kbar. L-assistenza finanzjarja offruta kemm minn SportMalta kif ukoll mill-Kumitat Olimpiku Malti jagħmluha possibli biex il-players tagħna jikkompetu barra minn xtutna, itejbu l-livell tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu l-almu tagħhom biex iġibu l-unuri lejn pajjiżna.

Ma nistax ma nsemmix ukoll l-għajnuna li sibna biex infetħet l-Akkademja tas-Snooker ġewwa l-Ħamrun ftit tas-snin ilu. Din ġabet magħha qabża kbira li tant kienet bżonnjuża biex il-players Maltin ikunu jistgħu jitħarrġu fuq imwejjed professjonali kif ukoll biex l-Assoċjazzjoni jkollha l-post tagħha fejn tkun tista’ torganizza l-Kampjonati lokali.

X’tikkummenta fuq il-Kampjonati Ewropej tas-Snooker li organizzajtu f’Marzu 2023 proprju f’pajjizna?

Kif diġa` semmejt aktar kmieni, din kienet żgur l-akbar sfida kemm ili nvolut jien fl-amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni, għax il-preparamenti specjalment fejn tidħol loġistika huma kbar u trid taċċerta ruħek li kollox ikun pjanat b’mod perfett.

Dak iz-zmien l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Billiard u s-Snooker (EBSA), kienet ħabbret li dawn il-Kampjonati kien se jkollhom rekord ta’ parteċipazzjoni – 60 player fl-Under 16, 79 player fl-Under U18, 96 player fl-Under 21 u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, 177 player fil-Kategorija tal-Irgiel.

Għalhekk nixtieq nieħu l-opportunitá biex nerġa’ nirringrazzja lill-president Ivan Brincat, il-Viċi-president Joseph Zerafa u l-bqija tal-Kumitat għall-ħidma tagħhom biex dawn il-Kampjonati setgħu iseħħu realtá.

Matul din il-festa ta’ snooker, il-kontinġent Malti kien kkompeta b’ħames players fl-Under 16, erba’ players fl-Under 18, tliet players fl-Under 21 u fl-aħħar u mhux l-inqas, 16-il player fil-Kategorija tal-Irġiel. Ta’ min isemmi wkoll li xejn inqas minn seba’ referees Maltin offrew is-servizzi tagħhom. Ta’ min ifakkar li dan huwa l-aktar tournament prestiġġjuz fuq livell amateur Ewropew tant li r-rebbieħ, li kien l-Iskoċċiz Ross Muir, ingħata ‘Main Tour Ticket’ biex jikkompeti ma’ players professjonali għas-sentejn suċċessivi.

Tqis li Ronnie O’Sullivan huwa l-aqwa plejer ta’ kull zmien fl-isfera tal-isnooker mondjali? Jekk iva, ghaliex?

It-talent naturali li għandu Ronnie O’Sullivan, żgur li qatt għadna ma rajnieh fi player ieħor.

Il-ħeffa li jirnexxielu jilgħab biha, filwaqt li jibqa’ preċiż f’kull kolp hija xi ħaġa unika li tagħti pjaċir lil kull min isegwih. Inpoġġi lil Judd Trump bħala dak li għandu stil l-iktar viċin għal ta’ Ronnie O’Sullivan.

Il-fatt li Ronnie O’Sullivan ilu jikkompeti iktar minn 30 sena b’mod konsistenti fuq livell professjonali u rebaħ għexieren ta’ ranking tournaments u jżomm anke numru ta’ rekords, dawn żgur jagħmluh wieħed mill-aqwa players tas-snooker.

Madanakollu l-player favorit tiegħi huwa Mark Selby, u ħafna jikkunsidraw lil player iritirat Stephen Hendry bħala l-aqwa player. Hendry u O’ Sullivan għandhom stil differenti ħafna minn xulxin u għalija ma tistax tgħid min minnhom huwa l-aħjar, bl-istess mod kif huwa diffiċli tagħżel bejn Messi u Ronaldo fil-football!

Tħoss li għandha tidħol l-għajnuna tat-tekonoloġija fis-snooker?

Din diġá daħlet u l-iktar li tintuża, speċjalment f’ tournaments professjonali, hija biex tiġi applikata l-‘miss rule’ bl-aktar mod korrett; meta player ikun f’pożizzjoni ta’ maskra u ma jirnexxielux jolqot il-boċċa intenzjonata u għalhekk il-boċċi jkunu jridu jerġgħu jitpoġġew lura f’posthom biex jerġa’ jingħata l-kolp mill-ġdid.

F’każijiet bħal dawn, ftit millimetri jafu jagħmlu d-differenza kollha u jiffavorixxu player fuq ieħor, u għalhekk, il-preċiżjoni mir-referee tkun importantissima u tista’ biss tintlaħaq bl-għajnuna tat-teknoloġija.

Ovvjament, illum it-teknoloġija dejjem taġġorna ruħha u timxi ‘l quddiem f’kull settur, u għalhekk m’għandix dubju li fejn hemm lok li t-teknoloġija tameljora l-logħba tas-snooker, din ser tiġi inkorporata wkoll.

Tara li hemm qabża bejn l-isnooker lokali u dak internazzjonali?

Kull meta pparteċipajna f’tournaments internazzjonali fuq livell amateur dejjem kellna livell tajjeb biżżejjed, u fil-fatt il-players Maltin irnexxielhom jaslu sal-istadji finali ta’ diversi kampjonati jew saħansitra ħarġu wkoll rebbieħa f’tournaments li jkun hemm jikkompetu fihom madwar 200 player minn madwar l-Ewropa jew id-dinja kollha. Fost uħud mill-aqwa riżultati riċenti nista’ nsemmi;

  • Brian Cini li wasal sas-Semi Finali fil-Kampjonati Ewropej Individwali ta’ Marzu 2024 fil-Bosnia,
  • It-tim kompost minn Aaron Busuttil u Chris Peplow li waslu sal-Finali tal-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet t’ Ottubru 2024 fil-Portugall, fejn kienu tilfu bl-iskor minimu ta’ 3-2 kontra l-Ukrajna,
  • Brian Cini li wasal sal-Finali tal-World Snooker Federation Championships ta’ Jannar 2025 fil-Marokk,
  • Aaron Busuttil li huwa c-Champion Nazzjonali għal dawn l-aħħar sentejn, u li qed ikollu riżultati promettenti ħafna fis-serje ta’ tournaments Q Tour barra minn xtutna, u qiegħed preżentament klassifikat fit-22 post.

L-isfortuna hija li n-numru ta’ players professjonali li jikkompetu fil-‘Main Tour’ huwa wieħed limitat u għalhekk jagħmilha diffiċli ħafna biex players Maltin jirnexxielhom jikkwalifikaw minkejja l-kwalitá għolja li juru.

Dan juri l-kobor ta’ players Maltin li fil-passat għamlu isem lil Malta bil-kisbiet tagħhom fil-logħba tas-snooker bħal Tony Drago li għamel mat-30 sena professjonali u li fl-aqwa tieghu kien irrenkjat mal-aqwa għaxar players tad-dinja, kif ukoll id-diversi unuri mirbuħa minn Alex Borg, Ġużi Grech u Pawlu Mifsud.

Tixtieq tara xi forma ta’ titjib fil-Malta Billiards and Snooker Association (MBSA)?

Ovvjament, taħdem kemm taħdem, dejjem ikun hemm titjib xi jsir. Li nista’ ngħid b’ċertezza huwa li t-terminu tal-Kumitat preżenti se jagħlaq lejn l-aħħar ta’ dan l-istaġun u ninsab kunfidenti li se nħallu l-Assoċjazzjoni fi stat iktar b’saħħtu minn meta ġejna mogħtija l-fiduċja mill-membri iktar minn sentejn ilu. Inħares ‘il quddiem għal iktar ħidma u djalogu mal-membri tagħna għall-akbar ġid tal-logħba li tant inħobbu, u nixtieq nirringrazzja lill-Membri kollha tal-Kumitat preżenti u lil dawk kollha li joffru l-għajnuna u l-ħin tagħhom biex staġun wara ieħor negħlbu l-isfidi li nkunu qed naffaċċjaw.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ liż-żgħażagħ sabiex jitħajru jsiru referees tas-snooker.

Il-logħba tas-snooker mhix biss sabiħa jekk tesperjenzaha bħala player, iżda tista’ tiġi segwita wkoll mill-perspettiva unika ta’ referee.

Ikun ta’ sodisfazzjon kbir jekk ikollna Maltin li jimxu fuq il-passi ta’ Terry Camilleri li ilu għal iktar minn 24 sena iservi bħala referee professjonali. Ninkoraġġixxi lit-tfal u żgħażagħ interessati kemm biex isiru referee kif ukoll dawk li huma mħajra jitħarrġu fil-logħba tas-snooker li javviċinawna permezz tal-paġna ta’ facebook tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport