Tifel ta’ tmien snin spiċċa pparalizzat minn qaddu ’l isfel wara li sofra diversi ġrieħi fl-ispina ta’ dahru waqt l-isparatura li seħħet f’Chicago fl-4 ta’ Lulju li għadda. Dan l-attakk ħalla seba’ persuni mejta u 40 oħra midruba.
It-tifel flimkien mal-ġenituri tiegħu attendew għall-Parata ta’ Jum l-Indipendenza fejn ħin bla waqt raġel armat deher fuq wieħed mill-bjut u beda jispara lejn il-folla. It-tifel weġġa’ gravi filwaqt li ommu u ħuh it-tewmi ġarrbu xi ġrieħi serji. Il-missier irnexxielu jaħrab mill-folla għalhekk ma sofra l-ebda ġrieħi.
It-tifel għamel xi jiem f’koma iżda l-Ġimgħa li għaddiet reġa’ ġie f’sensih. It-tobba jaħsbu li ma sofra l-ebda ħsara fil-moħħ iżda sfortunatament qatt mhu ser jimxi aktar.
Omm it-tifel li ġarrbet xi ġrieħi f’saqajha kellha tgħaddi minn żewġ operazzjonijiet. Għalkemm it-tobba tawha l-parir li tibqa’ rekoverata l-isptar hija ddeċidiet li toħroġ qabel għax riedet tkun maġenb binha. Malli t-tifel ġie f’sensih, irrealizza li mhux se jkun jista’ jimxi aktar. Iżda dan ma waqfux milli jaqta’ qalbu u jkompli jiġġieled biex jerġa’ jkun b’saħħtu.
Ħbieb tal-familja ħolqu paġna biex jgħinuhom jiġbru somma flus għall-mediċina u t-trattamenti u sa issa rnexxielhom jiġbru aktar minn miljun ewro.
L-aggressur ġie arrestat dakinhar tal-attakk u sa issa qed ikun mixli bi qtil ta’ seba’ persuni. L-avukat tal-istat qal li l-aggressur għad irid jaffaċja aktar akkużi u jittama li jeħel għomru l-ħabs fuq il-massakru li għamel. Mill-investigazzjoni tal-pulizija ħareġ li l-aggressur kien xtara ħames armi u kien ilu ġimgħat jippjana għal dan l-attakk.