Monday, November 11, 2024

L-Ispeaker b’messaġġ b’saħħtu kontra l-użu ta’ ċertu diskors fil-Parlament

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, f’ruling li ta, bagħat messaġġ b’saħħtu kontra ċertu tip ta’ diskors li jintqal fil-Parlament bħal dak li għamel id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-konfront ta’ membri tal-Gvern.

Kien il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li talab ruling kontra Aquilina wara li dan tal-aħħar fis-seduta parlamentari tat-Tnejn li għadda qal il-kliem “dawk ta’ faċċata huma kollha frodisti”.

Fid-deċiżjoni tagħha, is-Sedja rrimarkat li d-diskors inkwistjoni ma jistax jitqies li jikkostitwixxi prima facie ksur ta’ privileġġ għax ma kienx identifikat l-ebda membru parlamentari. Madankollu, fiċ-ċirkostanzi ħeġġet lill-membri kollha biex joqogħdu dejjem attenti li jżommu d-dekor fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

“Membru jista’ dejjem iqajjem l-argument mingħajr ma jaqa’ f’livell baxx jew ta’ insult, jew b’nuqqas ta’ qima fil-konfront ta’ membri tal-Parlament. Għalhekk is-Sedja tħossha fid-dmir li għal darba oħra terġa’ tikkundanna kull aġir u diskors li ċertament ma jagħmilx ġieħ lil dak li qalu u lil din il-Kamra, ġej mil-liema naħa ġej.

“Huwa importanti ħafna li d-dibattitu jinżamm dejjem fuq livell ċivili ħalli d-diskussjoni fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż tkun tista’ tkompli u anke biex il-poplu jkun jista’ jsegwi dak kollu li jingħad mir-rappreżentati tiegħu,” tenna l-Ispeaker Anġlu Farrugia. “B’dan ir-ruling, is-Sedja qiegħda tagħti messaġġ b’saħħtu kontra l-użu ta’ dan it-tip ta’ diskors fil-Kamra u għalhekk qed tqis dan ir-ruling bħala rimedju fih innifsu.”

Sport