Sunday, December 22, 2024

L-Ispeaker jerġa’ jappella għal diskussjoni dwar mistoqsijiet parlamentari li ma jkunux qed jiġu mwieġba

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia reġa’ appella liż-żewġ naħat tal-Kamra sabiex jiddiskutu l-kwistjoni dwar mistoqsijiet parlamentari li ma jkunux qed jiġu mwieġba.

F’ruling li ta wara talba li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, l-Ispeaker qal li f’diversi rulings, is-Sedja fakkret l-importanza li l-mistoqsijiet parlamentari jiġu mwieġba mill-Ministri u dan fi żmien raġjonevoli.

Dan għaliex tagħraf l-importanza u l-irwol tal-iskrutinju li għadha l-Kamra permezz tal-mistoqsijiet parlamentari. Żied jingħad li s-Sedja minkejja li tibqa’ marbuta mar-regoli u prassi viġenti anke fir-rigward ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari min-naħa l-oħra tifhem sew dawk il-membri li qed jilmentaw li l-mistoqsijiet leġittimi tagħhom ma jkunux qed jiġu mwieġba.

“Kien għalhekk li s-Sedja stħarrġet il-pożizzjoni f’pajjiżi oħra tal-Commonwealth. L-eżempju tal-Kanada juri li jista’ jkun hemm żvilupp fil-proċeduri parlamentari biex jiġu indirizzati dawn im-nuqqasijiet.

“Nerġa’ nappella liż-żewġ naħat tal-Kamra sabiex din il-materja tiġi diskussa bis-serjetà u bħall-Parlament Kanadiż jindirizza sitwazzjoni fil-mistoqsijiet parlamentari li ma jkunux qed jiġu mwieġba għas-sodisfazzjon tal-membri li jkunu għamluhom,” temm jgħid l-Ispeaker.

Ekonomija

Sport