Tuesday, November 11, 2025

L-Ispeaker jiddeplora l-imġiba ta’ Paula Mifsud Bonnici fil-Parlament

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ddeplora l-imġiba “negattiva għall-aħħar” tad-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici meta ostakolat ix-xandira diretta tad-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela ta’ nhar it-Tlieta li għadda fil-Parlament. 

F’ruling li ta lbieraħ filgħodu, l-Ispeaker qal li dak li għamlet l-Onor. Mifsud Bonnici, b’għemilha ħolqot diżordni kbira fil-Kamra. Qal li l-konsegwenzi ta’ għemilha, ċaħdet eluf ta’ nies milli jsegwu s-Seduta u d-diskors aħħari tal-Prim Ministru u ċaħdet is-servizz speċjali għal dawk il-persuni b’nuqqasijiet speċjali li jkunu qed isegwu bil-lingwa tats-sinjali. 

“Jidher ċar u manifest b’mod grossolan illi l-komportament tal-Onor. Paula Mifsud Bonnici, li kienet qed tattendi s-seduta bħala Aġent Whip tal-Oppożizzjoni fin-nuqqas tal-Whip, l-Onor. Robert Cutajar, li kontra l-istess Standing Order 173 A paragraph 3, li tostakola b’mod komplet il-viżiv tas-Seduta meta l-istess seduta kienet għadha għaddejja u meta s-Sedja kien għadha ma tatx l-ordni biex il-camera tal-PBS jirtiraw mill-Kamra u dan skont l-Ordni Permanenti 173 A paragraph 3. Ċertament dan l-atteġġjament mill-Onor. Paula Mifsud Bonnici huwa kompletament deplorabbli b’insult ċar lejn ir-regolamenti tal-Kamra u d-dinjita’ lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.”

Is-Sedja rat li pubblikament l-Onor. Paula Mifsud Bonnici skuża ruħha fil-ġranet li għaddew għal dak li għamlet f’dik is-seduta, liema skuża kienet indirizzata lil din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u għalhekk ikkunsidrat dan il-każ issa magħluq.

L-Ispeaker temm ifakkar li kull membru ta’ din il-Kamra inkluż l-Onor. Paula Mifsud Bonnici, illi meta ma jkunx hemm qbil ma’ xi ħaġa li tkun ta’ proċedura parlamentari, hemm il-proċeduri indikati fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra li permess tagħhom jistgħu  dejjem jitolbu r-rimedji meħtieġa u ċertament ir-rimedju m’għandux ikun żgur l-azzjoni li għamlet l-istess l-Onor. Paula Mifsud Bonnici.

Dan ir-ruling kien intalab mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

Sadanittant, l-Ispeaker ra wkoll dak li allega d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, meta dan tal-aħħar sostna li waqt li kien hemm il-kommossjoni fil-Kamra, kien hemm nies fl-iStrangers’ Gallery li huma u ħerġin bdew jindirizzaw lill-Onor. Mifsud Bonnici u jgħajruha pastaża.

Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker iddikjara li “wara li s-Sedja rat il-filmati kollha tal-camera apposta li s-Sedja għandha f’każ ta’ inċidenti fi-Kamra li turi l-viżiv tal-Kamra kollha, u dan kemm qabel kif ukoll wara li s-Sedja ssospendiet is-Seduta għal ftit minuti, u wara li rat u eżaminat il-komportament ta’ kull wieħed u waħda mill-persuni illi kienu fl-iStrangers Gallery, fl-ebda mument ma jirriżultalha, anke wara li kellmet l-usher li kien responsabbli fl-Istrangers Gallery, li fl-ebda ħin ma sema’ xi diskors fil-konfront tal-Onorevoli Paula Mifsud Bonnici.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport