Saturday, December 21, 2024

L-iSpeaker jilqa’ proposta tal-GWU Għaqda Pensjonanti

Se titlaqqa' seduta parlamentari għall-anzjani f'jum l-Anzjani

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Parlament ta’ Malta Dr Anglu Farrugia ħabbar li laqa’ proposta tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU biex fil-jum internazzjonali tal-anzjani ċċelebrat fl-1 ta’ Ottubru tibda titlaqqa’ seduta parlamentari għall-anzjani.

Dr Farrugia ħabbar dan meta dalgħodu indirizza lill-imsieħba tal-Għaqda Pensjonanti li matulha ta’ elenku tal-ħidma parlamentari li saret minn mindu nħatar Speaker fl-2013.

Huwa qal li l-prinċipji u l-valuri li jemmen fihom huma l-istess bħal tal-GWU, dawk li ż-żgħir irid ikun organizzat biex jieħu ħsieb l-interessi tiegħu steess. Dan għaliex minkejja l-progress li sar tul it-78 sena tal-GWU, il-battalji favur iż-żgħir huma u se jibqgħu kontinwi.

Dr Farrugia enfasizza li l-ambjent mhuwiex biss dak fiżiku u naturali imma wkoll dak li l-ħaddiem ikun assigurat mid-drittijiet tiegħu mhux biss miftehma imma miktuba fil-ftehim kollettiv.

Hawnhekk huwa żvela li qed issir ħidma biex jiġi konkluż l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Parlament u radd ħajr lill-GWU għall-ħidma li saret f’dan ir-rigward.

F’dan il-kuntest qal li huwa l-ewwel Speaker ‘full-time’ u fakkar li hekk kif inħatar, laqqa’ lill-ħaddiema tal-parlament u enfasizzalhom l-importanza illi l-ewwel il-lealtà tagħhom trid tkun lejn il-Parlament u mhux lejn xi partit jew ieħor.

Dwar l-effiċjenza tal-Parlament, Dr Farrugia qal li tliet snin ilu il-Parlament ta’ Malta ġie dikjarat bħala l-iktar parlament nazzjonali effiċjenti u trasparenti.

Dwar il-ħidma tiegħu bħala Speaker huwa fakkar li fl-2013 mexxa kumitat imwaqqaf bis-saħħa ta’ mozzjoni dwar ħatra ta’ kumitat dwar l-istandards, l-etika u mġieba xierqa fil-ħajja pubblika. Dan il-kumitat ikkontribwixxa biex saret liġi li permezz tagħha ġie maħtur Kummissarju dwar l-Istandards fil-ħajja Pubblika.

Irrefera wkoll għall-privileġġ parlamentari u filwaqt li sostna li għandu riżervi dwar it-tneħħija ta’ dan il-privileġġ, fakkar li sa mill-2015 huwa kien diġa qal li l-Parlament irid jara kif iċ-ċittadin jingħata rimedju meta l-privileġġ parlament jkun abbużat minn xi deputat tl-parlament.

Qal li abbuż mill-privileġġ parlamentari ma jistax jitħalla għaddej u għaldaqstant f’dan ir-rigward qal li rridu ndaħħlu mekkaniżmu li tkun jew is-Sedja jew xi kumitat, li jinvestiga kull abbuż li jista’ jsir tal-privileġġ parlamentari.

Dwar ħidma oħra mis-Sedja, Dr Anglu Farrugia fisser kif is-sena l-oħra inbdiet koperazzjoni mad-Dipartiment tal-Informatika tal-Università ta’ Malta fuq diversi proġetti fosthom sistema elettronika tal-mistoqsijiet parlamentari. Minbarra dan huwa ttamat li fil-ġejjieni qarib jibda proġett ieħor konness mal-arkivji u r-reġistru tal-Parlament.

L-Ispeaker semma wkoll li fis-sena 2015, hekk kif il-parlament mexa fil-binja l-ġdida huwa kien strumentali sabiex twaqqaf stazzjon televiżiv tal-Parlament li saħħaħ it-trasparenza tax-xogħol parlamentari hekk kif is-seduti kollha bdew jixxandru direttament.

Dr Farrugia temm id-diskors billi saħaq fuq l-importanza li l-Parlament ikun serju, trasparenti u integru fejn id-demokrazija tibqa ħajja f’din l-għola istituzzjoni tal-pajjiż.

Preżenti kien hemm ukoll, minbarra uffiċjali tal-kumitat tal-Għaqda Pensjonanti, is-Segretarju tal-GWU, Josef Buġeja.

Ekonomija

Sport