Friday, December 13, 2024

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiġi ppreżentat bil-ktieb Malta Repubblika: Id-Dibattiti Parlamentari

Aqra wkoll

“Dakinhar bħala żagħżugħ kont preżenti fil-folla li nġabret fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, u għext dak il-mument storiku meta l-Parlament qabel li Malta ma tibqax Monarkija u ssir Repubblika b’Kap ta’ Stat Malti li titmexxa mill-Maltin għall-Maltin. Ir-rappreżentanti taż-żewġ partiti kienu ilhom sena u nofs jiltaqgħu biex jaslu għal qbil dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida li kellha tmexxi lil Malta. Illum dan is-sentiment għandu jispira lir-rappreżentanti Parlamentari taż-żewġ naħat biex flimkien nilqgħu għall-isfidi li jinqalgħu u flimkien infasslu s-soluzzjonijiet għall-ġejjieni għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi,” tenna l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta ġie ppreżentat bil-ktieb Malta Repubblika: Id-Dibattiti Parlamentari, f’għeluq il-50 anniversarju mindu Malta saret u ġiet dikjarata Repubblika.

L-Ispeaker kompla billi qal li dan il-ktieb huwa bħala l-aqwa tifkira ta’ dak li seħħ f’Malta 50 sena ilu u għandu jfakkarna fl-importanza li nkomplu naħdmu għal Malta unita, b’rieda kollettiva sabiex infasslu futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Hu kompla billi qal li l-awtur ta’ dan il-ktieb flimkien ma’ kull kontributur, raw li jwasslu dak li seħħ aktar minn 50 sena ilu sabiex waslu biex kisbu dak li pajjiżna qed igawdi llum u b’hekk wieħed jagħraf ir-rwol ċentrali li kellhom il-mexxejja u l-Membri Parlamentari ta’ dak iż-żmien fil-mixja ta’ Malta lejn il-maturità politika u istituzzjonali tagħha.

Dan il-ktieb jipprovdi lill-qarrejja tiegħu l-proċess li wassal għad-dikjarazzjoni ta’ Malta bħala Repubblika, billi ddokumenta b’mod sħiħ id-dibattiti Parlamentari li saru bejn it-3 u t-13 ta’ Diċembru 1974. L-awtur jagħti għarfien storiku billi pproduċa kelma b’kelma dak li ntqal minn kull Deputat Parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra, fejn f’isem il-Gvern, tkellmu l-Prim Ministru Dom Mintoff, id-Deputat Prim Ministru Anton Buttigieg, u l-Ministru Ġużè Cassar.

Min-naħa tal-Oppożizzjoni, il-Kap George Borg Olivier, Albert Borg Olivier de Puget, u Joseph Cassar Galea esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-Kostituzzjoni l-ġdida. Madankollu, mexxejja oħra tal-Partit Nazzjonalista, fosthom Guido De Marco, Ugo Mifsud Bonnici, Mario Felice, Eddie Fenech Adami, u Ċensu Tabone, qablu li Malta għandha ssir Repubblika. Dan l-episodju wassal sabiex il-Kostituzzjoni ġiet approvata b’aktar minn 89% tar-Rappreżentati tal-poplu.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll studju akkademiku dettaljat dwar il-Kostituzzjonijiet ta’ Malta bejn l-1921 u l-1974, miktub minn Prof. Raymond Mangion.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport