L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia rċieva żjara ta’ kortesija mid-Direttur Alex Farrugia u minn Karen Mamo, manager fi ħdan id-Direttorat tal-Kultura. Waqt il-laqgħa, l-Ispeaker ġie ppreżentat b’pubblikazzjoni li tiġbor fiha l-ewwel sentejn ta’ attivitajiet organizzati taħt il-kappa tal-Malta Festival of Ideas, inizjattiva li tippromwovi d-djalogu u r-riflessjoni dwar diversi temi kulturali u soċjali.
Matul iż-żjara ġie ppreżentat ukoll il-Cultural Annual, ġabra ta’ riċerka li tesplora aspetti varji tal-kultura Maltija. Din il-pubblikazzjoni tinkludi studji dwar il-lingwa Maltija, il-patrimonju kulturali, l-arti u l-letteratura, u għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-għarfien u l-apprezzament tal-identità kulturali ta’ pajjiżna.
L-Ispeaker faħħar il-ħidma li qed issir mid-Direttorat tal-Kultura biex jitkompla jissaħħaħ l-istudju u l-promozzjoni tal-kultura Maltija, filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn li jinkoraġġixxu d-djalogu, l-iskambju ta’ ideat u riflessjoni aktar wiesgħa dwar il-valuri kulturali fis-soċjetà Maltija.

