Sunday, December 29, 2024

L-ISPEJJEŻ TAL-ĠWIEŻ U L-GĦAJNUNA MEĦTIEĠA

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur, l-aktar meta feġġet il-pandemija tal-Covid-19, bosta kienu dawk li tħassbu dwar kemm pajjiżna huwiex kapaċi jipprovdi lil niesu bi prodotti li huma mkabbrin lokalment. Donnu dan il-ħsieb qisu naqas ladarba bid-deċiżjonijiet għaqlin li ttieħdu mill-Gvern Malti, pajjiżna baqa’ reżiljenti mingħajr ma waqqaf l-ebda kunsinja. F’soċjetà maqsuma bejn il-produttur u l-konsumatur, li xi kultant minkejja li dawn għandhom jiġbdu l-istess ħabel, ħafna drabi fil-midja jispiċċaw f’argumenti fejn kulħadd jipprova jieħu tiegħu.

Il-klijent ma tlewmux li għandu jtaqqlu l-kont tax-xirja li fl-aħħar mill-aħħar huwa determinat minn budget allokat biex dak li jkun jixtri l-bżonnijiet mingħajr ma jidħol fi spejjeż żejda. Madanakollu, il-produttur jirribatti li jekk ma jgħollix il-prezzijiet mhux se jifdallu wisq alternattivi oħra ħlief li jnaqqas il-produzzjoni jew saħansitra jagħlaq il-bibien.

F’intervista partikolari l-ġimgħa li għaddiet raħħal fuq xogħlu, rikonoxxut fil-qasam tal-produzzjoni tal-ħalib, tkellem dwar l-isfidi kontinwi fis-settur. Kien hemm min ħaseb li għar-raħħal, il-Covid-19 għenet biex il-konsumatur iżid fix-xiri ta’ prodotti lokali u b’hekk kien baqagħlu aktar flus fil-but. Fil-verità l-virus kompla għakkes lir-raħħal b’żieda fil-prezzijiet taċ-ċereali u l-merkanzija biex jiġu impurtati f’pajjiżna. Ir-raħħala qegħdin jaffaċċjaw spejjeż kbar biż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież fejn din is-sena biss, il-prezz tal-ġwież hu stmat li ogħla b’aktar minn €100 fit-tunnellata. Bħala ammont spjegat fuq fuq, huwa stmat li kull baqra tal-ħalib tiekol mal-15-il kilo ġwież kuljum. B’hekk raħħal b’medja ta’ 120 baqra bil-bqija tal-merħla jikkonsma aktar minn 60 tunnellata fix-xahar. Dan minbarra spejjeż kbar oħrajn li bħalissa, bit-temperaturi jiżdiedu, jkomplu jidħlu aktar fil-fond fil-but tal-istess raħħala. 

Mhux l-ewwel darba li naraw fil-midja, kritika dwar il-mod kif jitrabbew l-annimali fl-irziezet f’pajjiżna meta f’filmat imxandar riċenti, dehret merħla li fost kumditajiet oħrajn, il-baqar kienu fuq sodod, b’apparat modern ta’ kumdità bħalma huma doxxiet li jiffriskaw il-baqar b’ilma frisk kontinwu li jxarrabhom biex inaqqsilhom mis-sħana. Il-kumdità ġġib magħha skumdità għar-raħħal għax dawn l-investimenti kbar jirrikjedu manutenzjoni kontinwa. Minbarra spejjeż oħra, hu stmat li raħħal b’medja ta’ 120 baqra, fl-aħħar xhur minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna żied madwar €7,000 fi spejjeż. Ovvjament dawn iċ-ċifri jvarjaw minn raħħal għal ieħor skont is-sistema tal-għalf tiegħu. Minkejja dan nemmnu li jibqa’ l-fatt li din hija sikkina taqta’ minn żewġ naħat għax jekk ma jagħlifx, ir-raħħal ma jistax jiġbor il-kwantità ta’ ħalib li għandu bżonn jipproduċi biex ikun effiċjenti f’xogħlu.

Nemmnu li wara r-reżiljenza tar-raħħala li fadal jaħdmu f’dan is-settur hija wkoll ssostanzjata mill-għajnuna li joħroġ il-Gvern. Riċentament komplew jitqassmu l-€4.5 miljun f’għajnuna ffinanzjata bis-sħiħ minn fondi nazzjonali lill-bdiewa u lir-raħħala, minħabba l-għoli fil-ġwież ikkawżata mill-pandemija u mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll l-għoli tal-fertilizzant għall-bdiewa. Minn dawn ir-raħħala kellhom €2.5 miljun. Din ma kinitx l-unika għajnuna maħruġa fl-aħħar snin biex tikkumpensa għal spejjeż żejda introdotti minħabba sfidi fuq livell internazzjonali. 

Madanakollu nemmnu li biex ulied dawn in-nies li ta’ kuljum, jagħmlu sigħat twal, mingħajr kalkolu ta’ sigħat għaliex raħħala fuq xogħolhom ma jistgħux jgħidu li mhux se jaqbżu l-40 siegħa fil-ġimgħa, mingħajr Ħdud u mingħajr festi, jeħtieġu aktar sapport. Irridu nikkonvinċu liż-żgħażagħ tagħna biex jibqgħu f’dan is-settur. Ma nistgħux nibqgħu naċċettaw ċertu burokrazija żejda li teżisti u minflok l-awtoritajiet għandhom jagħmlu minn kollox biex jiġbdu ħabel wieħed magħhom. L-istatistika tikkonferma l-bżonn ta’ dan kollu hekk kif minn sena għall-oħra, dawn ir-raħħala qegħdin ikomplu jonqsu. Deċiżjoni għaqlija llum qabel għada jaf tħalli fil-wiċċ lil dawk li bħalissa qegħdin jitħabtu biex iżommu fix-xefaq.

Ekonomija

Sport