Saturday, October 26, 2024

L-Ispettur Camilleri jgħid li kien ħu l-akkużat li tahom iċ-ċavetta biex daħlu għal Roderick Cassar

Aqra wkoll

Fil-Qorti llum kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Bernice Cassar f’Novembru li għadda, bix-xhieda li ta l-Ispettur Paul Camilleri quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Camilleri huwa wieħed mill-uffiċjali investigivattivi inkarigati minn dan il-każ.

Huwa stqarr li dakinhar tal-inċident għall-ħabta tat-8:00 a.m. il-Pulizija rċivew telefonata fejn ġew infurmati li seħħet ħabta f’Kordin. Miż-żewġ telefonati li rċivew wara ngħataw iktar tagħrif dwar l-inċident hekk kif mit-tieni telefonata ġew infurmati li seħħ argument filwaqt li mit-tielet telefonata ġew infurmati li hemm xi armi involuti fil-każ.

Camilleri fix-xhieda tiegħu kompla jgħid li sakemm bdew jippreparaw biex imorru fuq il-post, ġew mgħarrfa permezz ta’ telefonata oħra li hemm persuna mejta. Huwa qal li meta waslu fil-post sabu t-triq magħluqa mill-membri tal-RIU flimkien ma’ ambulanzi u tim mediku.

Camilleri spjega li malli ra l-katavru ta’ Bernice, il-mara kellha tir ġo wiċċha fuq in-naħa tax-xellug kif ukoll xi demm fuq sidirha, u li minn informazzjoni li rċieva kien hemm indikazzjoni li Roderick Cassar (ir-raġel tal-vittma) seta’ kien il-qattiel ta’ Bernice. Camilleri kompla jgħid li mbagħad bdiet it-tfittxija għal Roderick li xi ħin wara nstab li kien fid-dar li kien jgħix fiha ma’ Bernice. Wara li saru numru ta’ negozjati, l-akkużat ittieħed l-isptar fejn sarulu xi testijiet u immedjatament wara ttieħed il-lock-up.

L-Ispettur Camilleri stqarr li kien ħu l-akkużat li ta ċ-ċwievet lill-Pulizija biex setgħu jidħlu għal Roderick Cassar. John Cassar (ħu Roderick) fix-xhieda tiegħu qal li l-Pulizija talbuh iċ-ċavetta tal-appartament ta’ ħuh u hu provdielhom iċ-ċavetta tal-komun minħabba li kienu jgħixu fl-istess blokka.

Il-kumpilazzjoni dwar dan il-każ mistennija titkompla għada.

Sport