Il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) ħabbar li l-attività annwali tiegħu – Olympic Day – se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Ġunju bejn it-8:00am u nofsinhar, fil-Kampus tal-Università ta’ Malta.
Għadd ta’ Federazzjonijiet Sportivi affiljati mall-KOM se jipparteċipaw f’din l-edizzjoni, u se joffru lill-pubbliku l-opportunita li jaraw diversi dixxiplini sportivi jiġu ppratikati, kif ukoll jippruvawhom huma stess. Maltul l-Olympic Day ser jkun hemm wħud mill-aqwa atleti Maltin presenti.
Fost id-dixxiplini sportivi konfermati s’issa hemm il-Badminton, Ċikliżmu, Ġinnastika, Judo, Netball, Taekwondo u Triathlon, b’oħrajn mistennija jingħaqdu fil-jiem li ġejjin.
Din is-sena se tkun inkluża wkoll Fun Ride madwar ir-Ring Road tal-Università – attività miftuħa għal kulħadd li juża roti, skateboards, roller blades, jew kwalunkwe mezz ieħor fuq roti li mgħandomx magna. Karozzi u muturi mhumiex permessi!
Ir-reġistrazzjoni hija bla ħlas u tista’ ssir permezz ta’ dan il-link – https://bit.ly/4kyQvVE
L-Olympic Day qed jiġi appoġġjata minn SportMalta, in-National Social and Development Fund, Olympic Solidarity kif ukoll minn APS Bank, Deloitte u National Lottery.
Olympic Day huwa ċelebrazzjoni globali tal-isport, is-saħħa u l-komunità. Il-Kumitat Olimpiku Malti jistieden lill-familji, ħbieb u dilettanti tal-isport ta’ kull età sabiex jingħaqdu magħna u jiskopru l-ferħ tal-moviment.