Il-Kamra tal-Ispiżjara se tkun qed tneħħi d-direttiva li ħarġet ilbieraħ biex spiżjara ma jbigħux maskri u visors lill-pubbliku.
Dan hekk kif intlaħaq ftehim wara diskussjonijiet mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u mal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fir-rigward tan-notifika maħruġa mill-Ministeru għall-Ekonomija fir-rigward tal-prezzijiet fuq maskri kirurġiċi u visors.
Permezz tal-ftehim l-ispiżjara se jkunu qed ibigħu l-maskri u l-visors bil-prezz ta’ 95ċ hekk kif imħabbar ilbieraħ filwaqt li jirċievu kumpens għal telf li se jkunu qed iġarrbu mill-bejgħ tagħhom.
Intant f’kumment fuq il-midja soċjali l-Ministru għall-Ekonomija Schembri rringrazzja lill-Kamra tal-Ispiżjara tal-koperazzjoni tagħhom biex jibqgħu jikkontribwixxu press ġust għal konsumatur għas-Surgical Masks u visors.