Minn Cristian Muscat
Luke Borg, għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika, matul l-aħħar tliet snin segwa l-kors ta’ Master’s fi Strength and Conditioning fl-Università ta’ St Mary’s, Twickenham, Londra.
Huwa tana iktar dettalji: L-isport dejjem kellu rwol importanti f’ħajti, u kkontribwixxa kemm għall-iżvilupp personali kif ukoll għall-aspirazzjonijiet professjonali tiegħi. Hekk kif l-involviment tiegħi fl-isport kompla jissaħħaħ, ħassejt il-ħtieġa dejjem tikber li nsegwi kors speċjalizzat li jippermettili nifhem aħjar il-prestazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-atleti minn perspettiva xjentifika.
Wara li gradwajt bħala għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika fl-Università ta’ Malta fl-2016 u għadni naħdem f’dan ir-rwol sal-lum, fis-snin riċenti ħassejt il-ħtieġa li nispeċjalizza f’qasam relatat mal-isport. Dan kien ukoll minħabba l-fatt li, fuq bażi part-time, kont u għadni involut bħala fitness coach, l-aktar fl-isport tal-futbol. Din il-kombinazzjoni bejn it-tagħlim u l-prattika wasslitni biex ninduna li sabiex inkompli niżviluppa bħala professjonist, kien hemm bżonn ta’ taħriġ aktar avvanzat u speċjalizzat.
Għalhekk ħadt id-deċiżjoni li nibda studji fil-livell ta’ Master’s, u matul l-aħħar tliet snin segwejt il-kors ta’ Master’s fi Strength and Conditioning fl-Università ta’ St Mary’s, Twickenham, Londra. Il-kors kien strutturat b’mod blended, fejn parti kbira mit-tagħlim kienet issir long distance permezz ta’ lectures online, u ċerti assessments setgħu jitwettqu minn Malta. Madankollu, parti mill-kors kienet issir on-site fl-Ingilterra, fejn minbarra sessjonijiet prattiċi live, konna wkoll valutati b’mod prattiku f’oqsma bħall-weightlifting u l-coaching ta’ individwi, kif ukoll nagħtu preżentazzjonijiet fuq suġġetti diversi u nagħmlu eżamijiet open-book.
Studji ta’ dan it-tip huma partikolarment importanti fil-kuntest Malti, fejn il-klabbs u l-coaches jaħdmu f’kundizzjonijiet speċifiċi li jirrikjedu użu effiċjenti tal-ħin u tar-riżorsi matul l-istaġun kompetittiv. Riċerka applikata li ssir lokalment, ma’ plejers Maltin, tista’ tgħin biex it-taħriġ isir aktar effettiv u xjentifikament ibbażat, filwaqt li jibqa’ adattat għar-realtajiet u l-isfidi tal-isport f’Malta.
Fit-teżi tal-Master’s, bit-titlu “Effect of In-Season High Intensity Interval Training on 30-15 Intermittent Fitness Test Performance in Female Footballers”, plejers tal-futbol femminili minn klabb f’Malta nqassmu f’żewġ gruppi. Waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ, nofs il-grupp wettaq taħriġ ta’ intensità għolja b’ġiri bil-ballun, filwaqt li l-grupp l-ieħor wettaq taħriġ bil-ballun ibbażat fuq eżerċizzji ta’ pussess. L-intervent dam sitt ġimgħat, u ġimgħa qabel u ġimgħa wara l-intervent intuża t-test 30-15 Intermittent Fitness Test ta’ Martin Buchheit, li minnu ġew estratti l-valuri tal-VIFT u l-VO₂max.
Ir-riżultati wrew li l-plejers miż-żewġ gruppi tejbu l-prestazzjoni tagħhom b’mod simili, u għalhekk irriżulta li ż-żewġ metodi ta’ taħriġ huma effettivi matul il-perjodu tal-istaġun kompetittiv. Dan jindika li l-coaches għandhom flessibbiltà akbar fit-tfassil tas-sessjonijiet ta’ taħriġ tagħhom, u li kemm it-taħriġ ta’ intensità għolja b’ġiri bil-ballun kif ukoll eżerċizzji ta’ pussess jistgħu jintużaw biex jinżammu jew jitjiebu l-livelli ta’ fitness tal-plejers, mingħajr ma jiżdiedu b’mod eċċessiv it-tagħbijiet fiżiċi fuqhom.
Dan l-istudju jipprovdi indikazzjonijiet prattiċi li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-coaches, speċjalment matul l-istaġun, fejn l-għan ewlieni jkun li jinżammu livelli adegwati ta’ prestazzjoni filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta’ għeja żejda jew injuries. F’dan ir-rigward nixtieq nirringrazzja lill-klabb u lill-plejers tas-Swieqi li aċċettaw li jieħdu sehem f’din ir-riċerka.
Dan il-vjaġġ akkademiku mhux biss tejjeb il-ħiliet tiegħi bħala coach, iżda wkoll bidel il-mod kif ninterpreta u nippjana t-taħriġ. Illum inħossni aktar konxju tal-importanza tal-bilanċ bejn it-tagħbija, il-prestazzjoni u r-rkupru, u kif id-deċiżjonijiet relatati mat-taħriġ għandhom dejjem ikunu appoġġjati minn evidenza xjentifika.
Master’s ta’ dan it-tip jinvolvu spejjeż sostanzjali, u għalhekk is-sostenn ta’ boroż ta’ studju huwa essenzjali. Nixtieq nirringrazzja lill-Malta Sport Scholarship Scheme, li kopra parti sostanzjali minn dan il-kors. Din l-iskema hija ffinanzjata mill-Gvern ta’ Malta u għandha rwol importanti fit-tisħiħ tar-rabta bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-isport.
L-għan tiegħi issa huwa li nkompli napplika dan l-għarfien fil-kuntest tal-isport Malti, kemm fil-qasam edukattiv kif ukoll fil-prattika ta’ kuljum mal-atleti, filwaqt li nkompli nikkontribwixxi għal ambjent sportiv aktar professjonali u bbażat fuq ir-riċerka u l-prattika evidenzata.

