Saturday, December 21, 2024

L-isport għalija huwa l-aqwa skola ta’ ħajja – Andrew Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt il-bodybuilding fost minjiera ta’ sport ieħor?

Il-karriera sportiva tieghi bdiet 32 il-sena ilu (illum għandi 39 sena) meta ta’ 7seba’ snin (wara li ommi u missieri skoprew it-talent tiegħi waqt l-ewwel sports day fil-year 1 meta rbaħt il-100 metru) bdew jeħduni Skolasports is-Sibt filgħodu biex nittrenja l-atletika it-trakka tal-Marsa. Minn hemmhekk ġejt scouted minn Athleta Pembroke u wara ftit xhur bdejt nittrenja sitt darbiet fil-ġimgħa mal-klabb, ritmu ta’ taħriġ li bqajt għaddej bih sal-ġurnata tal-lum.

Mil-etá ta’ 7 sa 24 kelli karriera ta’ sprinter fejn sirt champion nazzjonali tal-100m fid-diversi kategoriji tal-etá (Cadets, Youths u Juniors) kif ukoll ksirt ir-rekord nazzjonali tal-100m Youths. Tul dawn is-snin kelli x-xorti nirrapreżenta lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali tal-Youths u Juniors, bħall-Fisec Games, Youth Island Games u World Youth Championships. Meta wara bdejt nikkompeti fil-kategorija tas-Seniors kont magħżul biex inkun parti mit-tim nazzjonali tal 4x100m relay.

Waqt li matul dawn is-snin ksibt ħafna suċċessi kif ukoll kbirt fil-karattru u d-dixxiplina, min-naha l-oħra sfortunatament kelli nesperjenza diversi injuries li kienu ukoll rikorrenti, speċjalment fil-hamstrings, injuries li ma ħallewnix nilhaq l-aqwa potenzjal tiegħi. L-isprint hi dixxiplina fejn jekk ma tkunx qed tħossok 100% ir-riżultat mill-ewwel se jmur għall-agħar u r-riskju li tweġġa’ huwa għoli ħafna peressli l-istress fuq il-muskoli hu elevat ħafna minħabba l-veloċitá għolja li sprinter itella’. Ġaladarba tweġġa’ fil-hamstring trid l-ewwel tirkupra fiżikament imbagħad mentalment. U din tal-aħħar hi l-iktar ħaġa diffiċli, speċjalment meta tibqa’ tweġġa’ l-istess muskolu, għax awtomatikament f’moħħok tidħol il-biżá li se terġa’ tiġbed il-hamstring minn mument għall-ieħor.

Kien wara numru ta’ episodji ta’ dawn l-injuries fuq medda ta’ snin, li meta kelli 24 sena ndunajt li kont tlift ħafna mill-pjaċir li kien jagħtini l-isprinting, u l-passjoni u t-talent li kelli bdew ikunu sors ta’ stress mentali flok ta’ sodisfazzjon.

Wara numru ta’ xhur naħseb fuq il-futur tiegħi, iddeċidejt li nieqaf mill-atletika u minflok nibda nittrenja waħdi l-gym. Din it-transizzjoni kienet pjuttost naturali għalija peressli kont diġá ili nagħmel gym workouts għal xi 10 snin, darbtejn fil-ġimgħa bħala parti mit-taħriġ għall-isprinting. Kull meta kont nittrenja fil-gym kont ninduna li kelli wkoll talent fil-bodybuilding għax il-muskoli tiegħi kienu jirreaġixxu tajjeb għall-weightlifting. Fil-fatt niftakar meta kelli 16-il sena kont diġá nispikka mal-koetani tiegħi mill-aspett ta’ muscle size avolja kont nerfa’ weights darbtejn fil-ġimgħa biss.

Mil-etá ta’ 24 sena sa issa bqajt konsistenti bir-rutina ta’ sitt sessjonijiet ta’ gym fil-ġimgħa u ġurnata ta’ active rest li normalment tkun il-Ħadd. Matul dawn is-snin qattajt sigħat twal naqra letteratura fuq it-teknika ta’ taħriġ kif ukoll fuq in-nutrizzjoni u nieħu gost napplika dan it-taghlim fuq livell personali, kemm fit-taħriġ tiegħi ġol-gym kif ukoll fil-lifestyle tieghi barra il-gym. B’hekk il-passjoni li kelli għall-isport in ġenerali minn mindu kont tarbija evolviet f’passjoni għal dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ ħajja sana. Infatti, il-bodybuilding (li kif nafu jirrikjedi ir-resistance training) magħmul b’mod naturali (mingħajr l-użu ta’ steroids) huwa rikonoxxut minn ħafna riċerki xjentifiċi bħala mezz mhux biss biex tnaqqas ir-riskju ta’ mard kroniku imma biex ukoll ittejjeb saħħtek, il-kwalitá tal-ħajja u saħansitra anke l-lonġevitá.

B’hekk huwa dan it-tip ta’ approċċ tal-bodybuilding li jien insegwi u nippromwovi – approċċ li bih ittejjeb id-dehra estetika tiegħek, tħossok b’saħħtek u iktar atletiku, li jagħtik iktar kunfidenza, li jżommok umli u saqajk mal-art, li mentalment jippreparak biex tkun tista’ taffronta l-istress tal-ħajja b’mod iktar leġġer u li bih tnaqqas ir-riskju ta’ mard kroniku li maż-żmien jista’ jwassal għall-mewt prematura.

Wara kważi tliet snin li ttrasferixxejt mill-atletika għall-fitness, fl-2012 ġejt mistieden nipparteċipa fl-ewwel kompetizzjoni tal-bodybuilding li kienet organizzata minn MBPF, waħda mill-federazzjonijiet lokali tal-bodybuilding u fitness li kien hawn dak iż-żmien. Filwaqt li dakinhar ma kontx irbaħt midalji, kienet swietni ta’ motivazzjoni biex inkompli naħdem u nitjieb.

Fl-2014 kont ġejt avviċinat minn Ralph Decelis, li sal-ġurnata tal-lum għadu president tal-IFBB f’Malta (li llum hi l-unika federazzjoni tal-bodybuilding u fitness f’Malta u l-iktar federation rikonoxxuta fid-dinja fil-bodybuilding u fitness), biex nikkompeti fil-kampjonati nazzjonali. Hemmhekk iddeċidejt li nikkompeti fil-kategorija tal-Men’s Physique, f’liema klassi l-judging jippremja statura atletika u simettrikali u fejn l-atleti jkunu maqsumin f’kategoriji skont it-tul flok skont il-piż. Filwaqt li fil-Men’s Physique, atleta jrid ikollu ċertu livell ta’ żvilupp muskolari, id-daqs tal-muskolatura ma jridx ikun massiv bħalma huwa rikjest fil-klassijiet tal-Classic Bodybuilding jew tal-Bodybuilding. Peressli l-isteroids u d-doping imorru kontra l-valuri tiegħi u anke li jistgħu ikunu ta’ periklu għas-saħħa, ħassejt li din il-kategorija kienet u tibqa’ ideali għalija.

F’dawk il-kampjonati, kont irbaħt il-kategorija tiegħi u ġejt magħżul biex nikkompeti fil-European Championships. Kienet f’dik il-kompetizzjoni li tista tghid bdiet tiffjorixxi l-karriera tiegħi fil-fitness u inevitabbilment bdejt nieħu dan l-isport b’iktar serjetá minn qatt qabel. Fil-European Championships kont ġejt fl-10 post. Hemmhekk skoprejt kemm hu suġġettiv dan l-isport. Iċ-champion mondjali tas-sena ta’ qabel (li kien mil-Litwanja) kien dik is-sena gie mogħti t-tmien post, żewġ postijiet qabli. Sfortunatament il-kriterji tal-judging ma jistgħux ikunu speċifiċi biżżejjed biex tnaqqas is-suġġettivitá, u hu għalhekk li jkun hemm panels b’10 membri tal-ġurija f’kompetizzjoniiet kbar bħal dawn.

Is-sena ta wara, fl-2015, erġajt ikkompetejt fil-kampjonati nazzjonali tal-IFBB fejn irbaħt għat-tieni darba. Ftit ġimgħat wara erġajt ikkompetejt fil-European Championships u did-darba spiccajt fit-tmien post.

F’din l-istess sena ħadt deċiżjoni iebsa li nitlaq minn xogħol stabbli u renumeranti ta’ CFO (jien certified accountant b’Masters in Accountancy mill-Universitá ta Malta) biex immur ngħix l-Awstralja sabiex nattendi waħda mil-iktar skejjel rinomati tal-fitness hemmhekk biex nistudja Personal Training.

Kienet esperjenza utli ħafna għalija fejn mhux biss ħadt valur akkademiku imma anke fuq livell personali, fejn skoprejt iktar lili innifsi. L-esperjenza li tgħix ‘il bogħod minn pajjiżek trendi ħafna frott u nirrakomandaha lil kulħadd. Wara li kont ikkwalifikajt bħala Master Personal Trainer, flimkien ma’ esperta fin-nutrizzjoni bdejt noffri servizz ta’ online coaching (li għadni noffrieh illum il-ġurnata) biex ngħin lin-nies mhux biss itejbu d-dehra tagħhom imma wkoll biex jgħixu ħajja iktar sana li fl-aħħar mill-aħħar twassal għall-kwalitá ta’ ħajja aħjar.

Wara li kont irritornajt Malta, fl-2017 u fl-2018 erġajt ikkompetejt fil-kampjonati nazzjonali tal-IFBB fejn kont erġajt irbaħt għat-tielet u għar-raba’ darba l-kategorija tal-Men’s Physique.

Filwaqt li fis-snin ta’ wara bqajt għaddej konsistentament bit-taħriġ u l-lifestyle ta’ natural bodybuilder, kont ħadt ftit mistrieħ milli nikkompeti, bejn minħabba li kont qed naħdem biex nirrestawra dar, is-snin tal-Covid u injury fl-ispalla li ma ħallitnix nagħti l-100% waqt il-gym workouts tiegħi.

Immorru għal din is-sena fejn bejn Frar u Marzu daħlitli vuċi f’moħħi li bdiet tghidli biex nerġa’ nikkompeti. Dis-sena nagħlaq 40 sena u peressli kont qed inħossni tajjeb u nidher tajjeb ukoll, iddeċidejt li nerġa’ nagħti sfida lili innifsi u nikkonferma li għadni kapaċi nikkompeti fl-aqwa livelli. B’hekk wara sitt snin erġajt issottomettejt ismi biex nikkompeti fil-kampjonati nazzjonali tal-IFBB għall-ħames darba.

U kienet deciżjoni tajba ħafna. Fil-fatt erġajt irbaħt il-kategorija tal-Men’s Physique kif ukoll ġejt magħżul bħala l-unika rappreżentant maskili għal Malta fil-European Championships f’Santa Susanna, Spanja, fejn iddeċidejt li nikkompeti kemm fis-Seniors u kif ukoll fil-Masters, liema kategorija hi miftuha għal etajiet minn 40 sena (magħluqin dik is-sena) ‘il fuq.

Kien fil-Masters li minn 11 il-atleta rnexxieli nikkwalifika għall-finali u hemmhekk ġejt fir-raba’ post. Fil-kompetizzjonijiet tal-bodybuilding il-finali tkun magħmula mit-top 6 u kull wieħed minn dawk is-sitta jirbaħ midalja. Għalhekk, dik kienet l-ewwel midalja li qatt irbaħt fil-European Championships.

Fil-kategorija Seniors, fejn konna 19-il atleta, ikkwalifikajt mal-aħħar 15 peró minn hemm ma ġejtx magħżul biex inkun fil-finali jew it-top 6.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza mill-aqwa li kellek fil-Master Men’s Physique, f’Santa Susanna, Katalunja, Spanja, fejn klassifikajt fir-raba’ post?

Peressli l-livell ta’ atleti fil-European Championships huwa elevat hafna u anke minħabba li l-judging huwa soġġettiv, żammejt l-aspettativi tiegħi baxxi u ffukajt fuq dawk l-affarijiet li jaqgħu taħt il-kontroll tiegħi, li huma speċifikament tnejn: a) il-mod kif nidher fiżikament (li fih tidħol id-dixxiplina fit-taħriġ, nutrizzjoni u l-irqad) u b) il-posing routine tiegħi, li fi kwalunkwe klassi tal-bodybuilding, hija importanti ħafna.

Meta kont backstage qabel ħrigt fuq il-palk, stajt nara l-livell tal-kompetituri tiegħi. B’hekk stajt inqabbel il-kundizzjoni tiegħi ma’ tagħhom b’mod iktar oġġettiv u kien hemmhekk fejn rajt li ġenwinament stajt inħabbatha mal-aqwa atleti fl-Ewropa. Il-fatt li mbagħad fil-kategorija Masters ġejt iġġudikat b’mod li nikkwalifika għall-finali u nirbaħ midalja tar-raba’ post kien bonus sabiħ li ovvjament jagħmlek sodisfatt bħala atleta li qed tirraprezenta lil pajjizek fuq dik l-iskala.

Oltre mill-element ta’ kompetizzjoni, ħassejt atmosfera ta’ rispett u apprezzament reċiproku bejn l-atleti li kkompetejt kontrihom. Xi ħaġa kurjuża li nnutajt hi li dan ir-rispett ħassejtu iktar relevanti fil-kategorija Masters fejn l-atleti kienu ikbar fl-etá mill-kategorija Seniors. Din kienet l-ewwel darba li stajt nikkompeti fil-kategorija Masters (peressli se nagħlaq 40 sena iktar tard din is-sena) u allura stajt ninnota din id-differenza fl-atmosfera mill-kategorija Seniors. Nemmen li dan l-aspett tal-etá jirrifletti f’iktar maturitá f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kif atleta jaffronta kompetizzjoni sportiva. Għaldaqstant din il-kompetizzjoni swietni wkoll biex nagħmel iktar ħbiberiji kemm ma’ atleti oħra Ewropej kif ukoll ma’ delegati oħra.

L-esperjenza ġo Santa Susanna ma kinitx tkun l-istess mingħajr il-membri l-oħra tal-kontinġent Malti nklużi il-membri tal-kumitat tal-IFBB Malta, li sibthom ta’ sapport qabel u waqt il-kompetizzjoni u li ħadt gost naqsam din l-esperjenza magħhom.

Kif ippreparajt għal din il-kompetizzjoni? 

Il-preparazzjoni tiegħi biex nikkompeti bdiet tmien ġimgħat qabel il-kampjonati nazzjonali li saru fl-14 ta Marzu, ġimgħatejn u nofs qabel il-Kampjonati Ewropej. Peressli jien insegwi dieta kontrollata s-sena kollha, kulma ridt nagħmel għall-fini tal-kompetizzjoni huwa li nirfina l-porzjonijiet tal-ikel li diġá mdorri niekol u nżid l-attivitá kardjo-vaskulari (bħall-jogging) tliet darbiet fil-ġimgħa wara s-sessjoni tal-gym. Iktar kemm bdejt noqrob lejn il-kampjonati nazzjonali iktar bdejt nirfina il-porzjonijiet skont kif kont qed narani fil-mera meta kkumparat mal-kundizzjoni li xtaqt inkun fiha fil-ġurnata tal-kampjonati nazzjonali.

Barra minn hekk kont niddedika kwarta ħin kuljum biex nipprattika l-posing routine tiegħi kif semmejt qabel. F’dan il-lat, ħdimt ukoll ma’ posing coach li kont niltaqa’ magħha darba f’ġimgħa biex tara l-progress li nkun għamilt minn ġimgħa għall-oħra.

Dakinhar tal-kampjonati nazzjonali ġejt magħżul biex inkun l-atleta maskili li se jirrapreżenta lil Malta fil-Kamjponati Ewropej. Minn dakinhar imbagħad l-għan kien li nżomm il-kundizzjoni li kelli għal ftit ġimgħat oħra billi nżomm is-sistema ta’ nutrizzjoni, taħriġ u rqad li kelli konsistenti.

It-taħriġ li int tagħmel biex tieħu sehem f’din il-kategorija kif jiddeversifika minn taħriġ li wieħed irid jagħmel biex jieħu sehem f’kategorija oħra ta’ bodybuilding?

It-taħriġ tiegħi ma nagħmlux bl-iskop speċifiku tal-Mens Physique imma huwa parti integrali tal-lifestyle tiegħi. Barra mill-fatt li l-gym huwa importanti ħafna għas-saħħa kemm fiżika u mentali, l-iskop wara t-taħriġ tiegħi hu li nkabbar il-muskoli kollha tiegħi b’mod naturali u estetiku, minghajr ma nagħmel ħsara lil saħħti, filwaqt li nżomm il-mobilitá neċessarja biex inkun nista’ nżomm il-funzjonalitá ta’ ġismi fit-tul kemm jista’ jkun. Il-kompetizzjoni imbagħad isservini kemm ta’ motivazzjoni biex nirfina t-taħriġ u d-dieta tiegħi u kemm biex inkun nista’ niġġudika jekk kienx hemm progress minn aspett estetiku. Kif semmejt qabel, meta nikkompeti nidħol fil-Men’s Physique għax dik hija l-iktar kategorija li tikkumplimenta d-daqs tal-muskoli tiegħi.

X’differenza tgħaddi bejn il-bodybuilding, il-weightlifting u l-powerlifting?

Filwaqt li bodybuilder jiġi ġġudikat fuq l-estetika, weightlifter u powerlifter jiġi ġġudikat fuq kemm jerfa’ piż f’eżerċizzji differenti. B’hekk, filwaqt li l-bodybuilding huwa sport suġġettiv, ir-riżultati fil-weightlifting u l-powerlifting huma oġġettivi.

Il-bodybuilding fih diversi klassijiet, li jvarjaw bejn l-irġiel u n-nisa. Fl-IFBB, l-iktar kategoriji popolari għall-irġiel huma l-Men’s Physique, Muscular Physique, Classic Physique, Classic Bodybuilding u Bodybuilding. Għan-nisa hemm il-Fit Model, Bikini Fitness, Wellness u Physique. Teżisti wkoll il-kategorija tal-Mixed Pairs fejn koppji ta’ rġiel u nisa jikkompetu kontra xulxin. Dawn il-kategoriji jiġu ġġudikati minn panel ta’ ġurija, li f’kompetizzjonijiet internazzjonali ikunu 10. Il-punti mogħtija minn dawn il-ġurija jiġu aggregati u l-midalji jiġu assenjati skont dawn il-punti. Fl-IFBB bħalissa hemm pjan biex jiġu introdotti kategoriji ġodda li huma iktar ibbażati fuq wirja milli fuq l-estetika.

Bejn weightlifting u powerlifting, id-differenza prinċipali hija l-eżercizzji speċifiċi li l-kompetitur irid jerfa’ fihom. Fil-weightlifting hemm żewġ eżercizzji differenti, l-isnatch u l-clean and jerk, filwaqt li fil-powerlifting hemm tlieta – l-isquat, il-bench press u d-deadlift. Dawn l-eżerċizzji huma komuni kemm għall-atleti maskili u anke femminili.

Differenza oħra importanti bejn dawn it-tliet sports hi li huwa l-weighlifting biss li s’issa huwa sport Olimpiku.

Bodybuilders Maltin jieħdu sehem regolarment f’kompetizzjonijiet importanti tal-bodybuilding madwar id-dinja? 

Hemm ammont żgħir ta’ bodybuilders ibbażati Malta li jikkompetu b’mod regolari fuq skala internazzjonali peró ħadd minn dawn ma jaqla’ l-għixien tiegħu minn dan l-isport.

Naf li l-isport tagħkom jinvolvi bosta spejjeż. Huwa minnu dan?

Fil-każ tiegħi l-ikbar spiża hi dik tal-ikel, li peró meta kkumparat mal-pubbliku in ġenerali nissoponi li ma nonfoqx ħafna iktar peressli min-naħa l-oħra niffranka flus li ħaddiehor jonfoq iktar frekwentament minni meta regolarment jixtri “fast food” minn barra. Jien “fast food” qatt ma nixtri u meta noħroġ niekol barra (bejn darba u darbtejn fil-weekend) il-maġġoranza tad-drabi mmur għal għażliet ikkunsidrati “nodfa”, bħal ħut jew tiġieġ bil-ħaxix.

Spejjeż oħra rikorrenti li jkolli huma l-membership tal-gym (li f’dawn l-ahhar sentejn mhux applikabbli peress li l-gym fejn ili nittrenja 20 sena tani sponsorship) u l-isports supplements (bħall-protein powder u vitamini) li ġeneralment nofshom jiġu koperti minn sponsor ieħor li għandi.

Spiża oħra li jkolli tirrelata mal-kompetizzjonijiet fejn ikolli nħallas ir-reġistrazzjoni għal kull kategorija li nikkompeti fiha u għal ċerti affarijiet relatati mal-kompetizzjoni bħall-kulur, ritratti u vidjos. Ovvjament, jidħlu wkoll l-ispejjeż tal-ivjaġġar meta nikkompeti internazzjonalment sakemm ma jkunux koperti mill-IFBB Malta, bħalma kien il-każ fil-Kampjonati Ewropej din is-sena.

Meta nikkunsidra dawn l-ispejjeż li għadni kif semmejt, il-bodybuilding kif nagħmlu jien m’huwiex xi ħaġa eżorbitanti meta jidħlu spejjeż. Naturalment jgħini l-fatt li jien nikkowċja lili nnifsi jiġifieri niffranka dik l-ispiża, peró, ninvesti ħafna ħin biex inkompli nistudja fuq it-taħriġ u n-nutrizzjoni biex nitgħallem iktar u nibqa’ aġġornat, kemm għalija kif ukoll għall-klijenti li nikkowċja jien.

Konxju wkoll mill-fatt li l-isport tagħkom jinvolvi dieta partikolari. Int kif tqassam id-dieta tiegħek. Agħtina iktar dettalji.

Id-dieta tiegħi hi bbażata fuq numru ta’ kaloriji maqsumin bi ħsieb bejn proteini, karboidrati u xaħmijiet (proteins/carbs/fats). Il-maġġoranza ta’ dawn il-kaloriji noħodhom minn sorsi mhux proċessati (bħall-ħut, tiġieġ u abjad tal-bajd għall- proteina, ħaxix, frott u wholegrains għall-karboidrati, u żejt taż-żebbuġa, avocado u ġewż għax-xaħmijiet). Imbagħad skont inkunx qed niffoka biex inkabbar il-muskoli jew innaqqas ix-xaħam tal-ġisem nimmodifika l-ammont totali ta’ kaloriji billi nżid jew innaqqas il-karboidrati u x-xaħmijiet. Fi ġranet fejn ma nittrenjax inkun qed innaqqas l-ammont ta’ kaloriji li niekol ukoll peressli nkun qed naħraq inqas kaloriji dakinhar.

Il-kaloriji nikkalkulahom billi nuża app dedikata fuq il-mobile peró biż-żmien drajt nikkalkula d-daqs tal-porzjonijiet b’għajnejja, li nsibha utli meta noħroġ niekol barra.

Minħabba li nimxi ma’ baġit ta’ kaloriji, m’għandix restrizzjonijiet fejn jidħol fix ħin niekol dawk il-kaloriji. B’hekk inżomm element ta’ flessibiltá li fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum insibha utli ħafna. Huwa għalhekk li d-dieta li nsegwi jien insibha waħda sostenibbli u realistika bħala parti minn ħajja sana.

Inħobb inqabbel id-dieta tiegħi mal-mod kif inġibu ruħna fejn jidħol il-baġit ta’ flus. Tonfoq kemm tista taffordja skont il-baġit tiegħek u jekk tonfoq iktar milli taffordja trid tpatti għalihom minn x’imkien ieħor.

Nixrob ukoll bejn erba’ u sitt litri ilma kuljum.

X’sagrifiċċji u ‘commitments’ partikolari jirrikjedi l-isport li int tipprattika?

Iktar milli sagrifiċċju l-ewwel u qabel kollox jien inqis din il-lifestyle bħala commitment lejn is-saħħa fiżika u mentali tiegħi. Peressli hi lifestyle allura l-azzjonijiet li nieħu jiġuni naturali. Pjuttost huwa sagrifficju meta ma nittrenjax, meta ma niekolx kif suppost jew meta ma nkunx nista’ norqod kemm hemm bżonn. Napprezza l-fatt li mhux dejjem inkun nista’ nżomm ir-rutina u xi kultant anke nieħu ftit mistrieħ minnha deliberatament biex ma nixbax minnha, bħal ngħidu aħna nieħu tazza inbid mal-ħbieb, xi pizza u ftit mistrieħ mill-gym biex nivvjaġġa, li huwa passjoni oħra tiegħi.

Kif tipprepara ruħek kemm fiżikament kif ukoll mentalment qabel kompetizzjonijiet tal-bodybuilding importanti?

Matul is-sena, irrispettivament jekk inkunx se nikkompeti jew le, insegwi kemm pjan ta’ taħriġ kif ukoll pjan ta’ ikel kif diġá semmejt. Imbagħad meta nkun se nikkompeti kulma nagħmel hu li nvarja l-pjan bl-għan li nitlef kemm jista’ jkun xaħam minn ġismi mingħajr ma nitlef muskoli biex nidher fl-aqwa kundizzjoni fil-ġurnata tal-kompetizzjoni. Naturalment, iktar kemm noqrob viċin il-kompetizzjoni, iktar ikolli nagħmel kompromess fejn tidħol flessibiltá ta’ ikel, taħriġ u rqad.

Minħabba li għandi commitments oħra barra l-bodybuilding, l-iktar ħaġa diffiċli li nsib hi li nibbilanċja l-ħin tiegħi bejn dawn il-commitments. Imma hija xi ħaġa li nkun diġá ppreparat mentalment għaliha jiġifieri nipprova kemm jista’ jkun nilqagħla minn qabel permezz ta’ time management.

It-taħrig tal-bodybuilding minnu nnifsu jagħmlek mentalment iktar b’saħħtek għax tidra ma taqtax qalbek mal-ewwel uġigħ jew sfida. Bl-istess karattru imbagħad tkun tista’ taffronta l-isfidi mentali ta’ kompetizzjoni, li iktar kemm tikkompeti iktar se trabbi qoxra għalihom.

Il-bodybuilding kif jgħin lill-atleta li jkun qed jipprattikkah kemm mentalment kif ukoll psikoloġikament?

In-natura tat-taħriġ għall-bodybuilding jirrikjedi li tispiċċa numru ta’ eżerċizzji, sets u ripetizzjonijiet biex tara l-progress li tixtieq. B’hekk, kif spjegajt qabel, l-isport minnu nnifsu jsaħħek kemm mentalment kif ukoll fiżikament. Il-progress ma jidhirx mil-lum għal għada imma jieħu ż-żmien u għalhekk jgħallmek ukoll il-valuri tal-paċenzja u tal-perseveranza. Mill-esperjenza tiegħi f’dan l-isport, min jipprova jieħu shortcuts (jew għax bla paċenzja, jew għax ma jkunx lest li jaħdem iebes jew għax jiġi konvint mod ieħor), kwalunkwe progress apparenti li jakkwista, ma jrendix fit-tul u jisparixxi mix-xena wara żmien relattivament qasir.

L-ikbar benefiċċju li nqis huwa dak tal-kunfidenza. Hekk kif inti tibda tesperjenza progress kemm estetikament kif ukoll fis-saħħa tiegħek, tibda trabbi iktar kunfidenza li mhux biss tirrifletti f’dehra u wirja aħjar ġol-gym, imma anke f’ambiti oħra ta’ ħajtek (eżempju relazzjonijiet u xogħol), li fl-aħħar mill-aħħar jagħmluk verżjoni aħjar tiegħek innifsek. Ovvjament, sta għalik li dik il-kunfidenza tħalliha tikber fil-konfini ta’ valuri tajbin waqt li dejjem iżżomm saqajk mal-art b’umiltá.

Naf li jkun hemm ġurija li tiġġudika r-rebħ ta’ dawn il-kompetizzjonijiet. Fuqhiex tgħaddi l-ġudizzji tagħha?

Il-kriterji li jsegwu l-ġurija jiddependu fuq liema klassi jkunu qed jiġġudikaw eż: Men’s Physique, Bodybuilding, Bikini Fitness eċċ. Il-ġuriji jkunu kisbu l-kwalifikazzjoni tagħhom wara li jgħaddu minn proċess ta’ taħriġ letterarju u prattiku fejn jitgħallmu dawn il-kriterji varji. Kif semmejt qabel f’panel ta’ ġurija ikun hemm 10 ġuriji. L-aqwa u l-agħar punti mogħtija jiġu eliminati (biex jekk ikun hemm bias jiġi eliminat b’dak il-mod) u l-punti tat-tmien ġuriji l-oħra jiġu magħduda biex jingħataw il-pożizzjonijiet finali lill-atleti. Naturalment kif tista’ tapprezza l-element ta’ soġġettivitá dejjem tibqa’ hemm.

Naf ukoll li qabel il-kompetizzjonijiet ma tieklu u tixorbu kważi xejn fejn kważi tiġu ‘dehydrated’. Huwa minnu dan?  

Din hija ‘misconception’ jew inkella prattika żbaljata li jagħmlu xi atleti. L-ikel u l-ilma jibqa’ dejjem hemm sal-aħħar, peró kollox ikun bil-qies.

Hemm biżżejjed konkorrenza minn peresuni żgħażagħ għal dan l-isport?

Mill-esperjenza tiegħi kemm lokali kif ukoll internazzjonali, nemmen li mill-Covid ‘l hawn il-popolaritá tal-bodybuilding bħala sport kompetittiv naqset, speċjalment fix-xena lokali. Fejn fil-kampjonati nazzjonali qabel il-Covid-19, konna nkunu bejn 15 u 20 atleta fil-Men’s Physique, dis-sena konna sebgħa. Probabilment, hemm l-istess tendenza fil-klassijiet l-oħra.

Fil-Kampjonati Ewropej din id-differenza ħassejtha inqas għax xorta konna ħafna atleti, biss hemmhekk trid tqis li hemm il-pajjiżi kollha tal-Ewropa.

Kif tqabbel ir-riżorsi li fihom tittrenjaw f’Malta meta kkumparati ma’ dawk li nsibu barra minn Malta?

F’dawn l-aħħar 10 snin rajt żieda sostanzjali ta’ gyms f’Malta, biss peró dawn huma frott ta’ intrapriża privata. Sfortunatament meta nikkumpara l-kuxjenza, ir-rikonixximent u l-għajnuna lill-atleti u anke l-faċilitajiet pubbliċi fejn jidħlu outdoor gyms li wieħed isib Malta meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra Ewropej, għadna lura ħafna.

It-taħriġ tagħkom il-bodybuilders irgiel fhiex jikkonsisti u jagħmel differenza t-taħriġ t meta kkumpartat ma’ dak tan-nisa?

It-tnejn li aħna rridu nagħmlu weightlifting jiġifieri ma narax li hemm wisq differenza. Ovvjament raġel jaffordja jiekol porzjonijiet ikbar minn dawn li jaffordjaw jieklu n-nisa minħabba li hemm differenza kemm fl-ammont ta’ muskolatura kif ukoll fil-piż. Barra minn hekk in-nisa u l-irġiel għandhom profil naturali ta’ ormoni differenti u minħabba f’hekk il-bilanċ bejn taħriġ, nutrizzjoni u mistrieħ irid ikun adekwat skont l-individwu.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala bodybuilder?

Ix-xewqa tiegħi hija li nibqa’ nsegwi din il-lifestyle tul ħajti kollha sakemm il-Bambin jogħġbu jagħtini s-saħħa. Rigward kompetizzjonijiet bħalissa m’għandix pjan ta’ meta nerġa’ nikkompeti peró ma neskludix li nerġa’ nikkompeti fil-futur qrib.

Għaddi messaġġ finali lil dawk iż-żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha biex jibdew jipprattikaw il-bodybuilding.

Il-bodybuilding se jiżviluppak f’persuna aħjar u se jagħtik sodisfazzjon imprezzabbli f’ħafna ambiti tal-ħajja sakemm int tkun lest jew lesta tagħmlu parti mil-lifestyle tiegħek u mhux biss għall-fini ta’ kompetizzjoni. Hekk biss tista’ tipprattikah b’mod sostenibbli biex b’hekk ukoll tkun tista’ tesperjenza l-benefiċċji li semmejt tul ħajtek kollha. Jekk qed tfittex għajnuna ta’ kowċ, agħmel ir-riċerka tiegħek fuq dik il-persuna qabel tiddeċiedi tissieħeb miegħu jew magħha u dejjem żomm f’moħħok l-impatt li kwalunkwe ħaġa li tigi ssuġġerita lilek għandha fuq ħajtek u saħħtek barra l-gym.
L-isport għalija hu l-aqwa skola ta’ ħajja u allura nħeġġek li jekk mhux bodybuilding, l-attivitá sportiva, hi x’inhi, iżżommha konsistentament tul ħajtek kollha!

Ekonomija

Sport