Wednesday, December 17, 2025

‘L-isport għamilni l-persuna li jien illum, għenni nibni tarka kontra l-bullying, u għamilni l-persuna li jien llum’ – Romi Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?

Jiena minn dejjem kont inħobbu l-isport. Infatti kont inkun ħerqana meta jasal il-ħin tal-P.E. l-iskola. Fil-ħin liberu tiegħi kont inħobb immur dawra bir-rota. Minn dejjem kont qawwija u kont kwieta ħafna, allura kelli ħafna bullying. Kienu jgħajruni ħoxna, stramba, u dejjem waħdi kont inkun għax ħadd ma ried joqgħod miegħi. Kelli self-esteem baxx ħafna. Imbagħad meta kelli 16-il sena, tħajjart nibda mmur il-gym u minn hemm bdejt nitlef il-piż u l-kunfidenza fija nnifsi bdiet dejjem tiġi għall-aħjar. Ta’ xi 20 sena bdejt immur l-atletika, għamilt xi sentejn. Imbagħad għamilt ħames sninnipprattika l-kickboxing, fejn wasalt sa blue belt. Wara erġajt bdejt immur l-gym u mbagħad ergajt għamilt xi ħames snin oħra nipprattika l-Crossfit. Qatt ma waqaft minn meta bdejt ta’ 16-il sena. U bħalissa qed immur l-gym u nittrenja waħdi.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala nutrizzjonista u xjentista tal-isport ewlenija f’pajjiżna.

Hawn Malta għad m’hawnx distinzjoni bejn nutrizzjoni fl-isport u nutrizzjoni. Nutrizzjoni fl-isport hija gwida għall-atleti fin-nutrizzjoni kemm biex inaqqsu l-piż u anke biex imorru aħjar fl-isport li jipprattikaw. Meta jkun hemm atleti li jipprattikaw eżerċizzju fit-tul bħal ‘ultra-marathon’ hemmhekk iridu gwida kontinwa tul dawk is-sigħat ta’ kompetizzjoni biex iġibu l-aħjar riżultat. Bħala xjentista fl-isport, jiena nkun naf kif jaħdem il-ġisem meta persuna tkun qiegħda tagħmel l-eżerċizzju u dan flimkien man-nutrizzjoni, jgħinu biex persuna tikseb l-aħjar riżultati fl-isport tagħhom. Bħala xjentista fl-isport, naġġorna ruħi wkoll kemm fil-qasam tan-nutrizzjoni u anke tal-eżerċizzju fuq l-aħħar riċerki li jkunu saru. Ngħin ukoll biex b’dawn it-tnejn flimkien, il-persuna ma titlifx il-muskolu li huwa bżonnjuż u importanti li nieħdu ħsiebu mmens għax kemm iżommna b’saħħitna għal meta nikbru u anke biex il-metaboliżmu jibqa’ dejjem jaħdem kif suppost u jnaqqas iċ-ċans li neħxienu malajr. Il-muskolu nibdew nitilfuh mill-etá ta’ 35 sena. Importanti li nieħdu ħsiebu jekk irridu nibqgħu b’saħħitna u nidhru tajbin.

Kemm huma importanti dawn iż-żewġ oqsma fl-isport?

Importanti ħafna għax ma tistax tagħti gwida tajba ta’ x’wieħed għandu jiekol jekk ma tkunx taf kif jaħdem il-ġisem f’dak l-isport. Eżempju persuna li tipprattika sport li jkun mgħaġġel u f’qasir żmien għandha bżonn iz-zokkor li jtella’ z-zokkor fid-demm malajr u anke ftit kaffeina tgħin. Persuna li ħa tittrenja fit-tul, ma tistax tagħtiha ħafna zokkor f’daqqa. Eżempju ieħor meta persuna tkun trid tkabbar il-muskolu, trid tkun iggwidata fuq kif tqassam l-eżerċizzji biex tgħinu tkabbar il-muskolu, peró għandha bżonn ukoll nutrizzjoni tajba biex tgħin biex jikber il-muskolu. Eżempju ieħor, jekk għandek persuna li għandha kundizzjoni tal-qalb u ma tistax ttella’ t-taħbit tal-qalb aktar minn ċertu ammont fil-minuta, ma tistax tagħtiha eżerċizzju li jmur ‘all-out’, iżda l-massimu tagħha li tiflaħ għax tista’ tkun fatali. Persuna li tittrenja fit-tul, ma tistax tixrob ilma biss, għax tista’ tispiċċa tintilef minn sensiha, speċjalment jekk l-persuna tkun tegħreq ħafna.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtha tinbidel tul is-snin?

Naħseb li l-isport żdied ħafna hawn Malta, u ħafna nies saru jieħdu gost jikkompetu kemm fi gruppi u anke b’mod individwali. Qed jinħolqu ħafna aktar kompetizzjonijiet u anke jgħinu biex dejjem ikollok għan li trid tilħaq, tagħmel ħbieb ġodda u jagħtu sapport lil xulxin. Li ma naqbilx, meta jsiru kompetizzjonijiet fil-qilla tax-xemx bejn il-11am u s-2pm fis-sajf, fejn ikunu ħafna ta’ periklu li persuna tkun tista’ tispiċċa ħażin u anke tkun fatali.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn l-atleti tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Naħseb li dawn l-opportunitajiet qegħdin dejjem jiżdiedu, u aktar nies qegħdin jieħdu gost li jkollhom opportunitajiet barra minn Malta. Li nemmen li hawn nuqqas huwa fuq tagħlim dwar nutrizzjoni tajba. Eżempju jiġu għandi ġenituri li t-tfal tagħhom jipprattikaw xi tip ta’ sport u ma jkunux jafu x’għandhom jagħtuhom jieklu. Nutrizzjoni tajba, tagħmel ħafna differenza biex wieħed ikun jista’ jġib l-aħjar riżultati. Allura nħeġġeġ lill-kowċis biex jorganizzaw taħdidiet li jsiru minn nutrizzjonisti tal-isport fejn jistiednu kemm lill-ġenituri u anke lil uliedhom li jipprattikaw l-isport biex ikollhom gwida tajba.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport?

Jiena sakemm Alla jagħtini s-saħħa, ma narani qatt ma nipprattikax xi tip ta’ sport. Għalija jgħinni ħafna mentalment u fiżikament. Inħoss li l-isport għamilni l-persuna li jien illum, għenni nibni tarka kontra l-bullying, u għamilni l-persuna li jien llum. Barra minn hekk peressli jiena għalliema, inħeġġeġ ħafna lill-istudenti jipprattikaw xi tip ta’ sport għax jgħinhom kemm fid-dixxiplina, u anke biex jiksbu marki aħjar fl-iskola.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isport.

Jiena nħeġġeġ bis-sħiħ lil min għandu t-tfal biex iħeġġiġhom jipprattikaw xi tip ta’ sport għax jekk tkun bdejt minn meta tkun żgħir, jgħinhom biex inaqqsu ċ-ċans li jaqgħu f’xi vizzji ħżiena u anke jmorru aħjar fl-iskola. Barra minn hekk, jgħin ukoll biex inaqqsu ċ-ċans li jżidu l-piż peressli jgħaddu ħafna ħin bilqiegħda l-iskola. Dawk li huma mħajra jibdew, qatt mhu tard! Minn ricerka li saret, anke persuni li bdew ta’ ‘l fuq minn 60 sena, xorta waħda rnexxielhom itellgħu l-muskolu u jħossuhom aktar b’saħħithom.

Nippruvaw ma nġibux skużi, li m’għandniex ċans, jew li qawwijin għax mill-ġenetika. Iva vera jaf tkun aktar faċli għal certu nies li jtellgħu l-piż, peró jekk tagħmel ħiltek, xorta tista’ tkun bil-piż li tixtieq. Ħaġ’oħra, persuni li jkunu diffiċli jtellgħu l-piż, ikun ukoll diffiċli għalihom li jtellgħu l-muskolu. Allura kulħadd għandu l-iżvantaggi u l-vantaġġi. Inti qatt m’għandek tqabbel ma’ ħaddiehor. Għandek dejjem taħdem biex tkun l-aħjar li tista’. Dawk li dejjem xtaqu jipprattikaw xi tip ta’ sport, inħeġġiġhom jibdew għax qatt mhu tard. L-ewwel pass ikun diffiċli, imbagħad tieħu gost tara kemm tibda tmur dejjem iktar aħjar mill-gimgħa ta’ qabel. Meta jkun hemm xi ġurnata li ma jkollokx aptit tmur, ftakar dejjem kif tħossok wara, aqbad il-basket u itlaq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport