Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Jien kelli 20 sena meta bdejt. Għall-bidu bdejt biex nagħmel kumpanija lill- mara tiegħi Lisa Bezzina peró wara ftit żmien ta’ taħriġ, il-ġiri ġie parti minn ħajti.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Irbaħt diversi titli mill-age group tiegħi. Il-ħinijiet tiegħi huma dawn: Half Marathon Barcelona 1’18’32; 5km 17’13; 10km Lille 35’53; 3km 10’03 u Maratona ta’ Vjenna 2’59. Barra minn hekk, xtaqt insemmi li proprju nhar il-Ħadd li għadda, temmejt fit-tieni post fil-kategorija tiegħi fost iktar minn elf atleta fit-tellieqa ta’ 5km fi Vjenna, l-Awstrija.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell huwa tajjeb ħafna fejn sirna kompetittivi ħafna. Qed nagħmlu suċċess anke fil-kompetizzjonijiet internazzjonali speċjalment fil-2023 fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar (GSSE), fejn ksibna l-aħjar riżultati.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-Gvern qed jinvesti ħafna fl-isport. Iva ir-rizorsi huma tajbin ħafna. Ovvjament dejjem ikun hemm lok għal titjib peró ninsabu mexjin fit-triq it- tajba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
L-importanti għalija huwa li nibqa’ b’saħħti u nkun nista’ nipprattika l-isport li tant inħobb … il-bqija huwa bonus għalija!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Il-messaġġ tiegħi huwa li l-isport huwa importanti għas-saħħa u jġib l-għaqda. Peró, min jixtieq jitla’ livell ieħor irid jinkiteb ma’ klabb u jsib kowċ tajjeb biex ikun jista jidderiġih fit-triq għas-suċċess!