Friday, November 22, 2024

‘L-isport jagħtik valuri li jbiddlulek ħajtek kompletament’ – Orlando Bonnici (CEO ta’ Swieqi Phoenix)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?

Sa minn meta kont żgħir kont miġbud lejn l-isport … ovvjament bħal kull tifel tal-etá tiegħi ta’ dak iż-żmien l-ewwel sport li tipprova huwa l-futbol, u konna nilgħabuh tista’ tgħid kuljum. Kelli ħija iżgħar minni li konna nilagħbu kontra xulxin kuljum, fil-MUSEUM u ma’ sħabi fil-grawnd ta’ Ħaż-Żebbuġ. Imbagħad ippruvajt sports oħra bħall-baseball u l-basketball li kont u għadni nħobbu bħala sport. Imbagħad fl-aħħar iltqajt mal-handball għall-Logħob tal-FISEC tal-1996 u kif jgħidu ‘it was love at first sight’, għax daħħalli l-elementi kollha tal-isport li kont nilgħab qabel. 

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Kap Eżekuttiv ta’ Swieqi Phoenix.

Ir-rwol tiegħi huwa dak li nikkordina l-kowċis u l-kumitati diversi li jieħdu ħsieb it-timijiet tal-adulti kif ukoll dawk tat-tfal, il-kumitati tal-media kif ukoll dak tal-plejers. Dan kollu jeħodli ħafna ħin iżda nagħmlu bil-qalb għax l-għan tagħna bħala klabb huwa li nimxu fuq mudell professjonali, avolja aħna klabb amatorjali. Li tmexxi klabb tal-isport illum saret iebsa ħafna minħabba wkoll fil-livell ta’ burokrazija allura nemmen li hija iebsa ħafna biex jibdew klabbs ġodda fl-isport u nemmen ukoll li ħafna klabbs u sports fil-futur qrib se jkunu qed jieqfu minħabba dan in-nuqqas ta’ ħin u nuqqas ta’ volontarjat. 

X’tikkummenta fuq is-suċċess permezz tar-rebħ tal-kampjonat tal-klabb tal-volleyball u l- handball?

Din is-sena għall-ewwel darba, irbaħna il-kampjonati kollha tas-seniors u dan huwa unur kbir. Id-differenza tagħna minn klabbs multi-sportivi oħra hija li aħna tassew klabb wieħed u kollox huwa mmexxi minn kumitat ċentrali. Naħdmu flimkien u s-suċċess tal-isport jagħmel is-suċċess ta’ sport ieħor. Tassew aħna familja waħda! 

Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Bħala poplu naħseb li l-livell ta’ apprezzament tal-isport tela’ ħafna. L-isport m’għadux biss meqjus bħala passatemp imma hawn min jieħdu bis-serjetá u jikkompeti f’livelli għoljin kif nagħmlu aħna. Il-pass li jmiss nemmen li għandu jkun xi forma ta’ tibdil legiżlattiv li jgħin kumpaniji privati jinvestu aktar fl-isport biex inkunu nistgħu nagħmlu l-pass li jmiss. Għalkemm ngħidu li s-social media ġabet magħha ħafna affarijet ħżiena, peró, naħseb li t-tfal u atleti żgħar kif ukoll kowċis illum il-ġurnata għandhom aċċess għal ħafna materjal u nies barranin esperti fl-isport tagħhom. Dan qed iwassal biex l-atleti tagħna qed ikollhom programmi ta’ taħriġ aħjar u b’aktar ‘input’ professjonali. Peró, fl-aħħar mill-aħħar, kollox għandu bżonn il-flus  biex nikbru fis-settur sportiv u nikkompetu aktar f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Nerġa’ ndur fuq il-punt tar-riżorsi. Sfortunatment, il-battalja tar-riżorsi kemm ma’ klabbs oħra fl-istess sport tagħna, kif ukoll ma’ sports oħra hija xi ħaġa li tweġġa’ l-isport in ġenerali. Hemm bżonn ta’ aktar faċilitaijet sportvi li jistgħu jiġu mikrija kif ukoll għajnuna lill-klabbs ta’ sports żgħar biex jibnu jew isostnu swali tal-isport (‘sports halls’) tagħhom. Għalina bħala klabb dan huwa l-pass li jmiss għax nonfqu għexieren ta’ eluf ta’ Ewro fis-sena biex nikru faċilitajiet sportivi li mhux dejjem ikunu miżmuma tajjeb avolja jiswew ħafna flus. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport?

It-tama tiegħi hija li sakemm nibqa’ mmexxi l-klabb tagħna, ikollna faċilitá sportiva tagħna kif ukoll atleti full-time jilagħbu magħna. Fil-jiem li għaddew, għadna kemm iffirmaja kuntratt ma’ Benfica Handball fejn numru ta’ tfal minn tagħna se jmorru jitħarrġu mal-Benfica bit-tama li jibqgħu jilagħbu l-handball hemm b’mod professjonali jew semi-professjonali (universitá u handball). Ideat għandi ħafna, u bħala klabb għandna kumitat sod li għalija huwa t-tieni familja tiegħi. Fosthom Clinton Mifsud li beda l-klabb miegħi, imma wkoll ħafna nies kapaċi li għandhom ħiliet li jien m’għandix jew li mhux tajbin daqshom. Dejjem ngħid li s-suċċess tal-klabb kien kbir għax irnexxieli nsib nies aħjar minni fis-setturi rispettivi tagħhom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika xi tip ta’ sport.

L-isport jagħtik valuri li jbiddlulek ħajtek kompletament. Nies li jipprattikaw jew kienu fl-isport jafu eżattament x’qed ngħid u n-nies li tilgħab magħhom u tittrenja magħhom kuljum jibqgħu f’ħajtek għal għomrok. Ninkoraġġixxi t-tfal u l-ġenituri tagħhom biex jipprattikaw xi tip ta’ sport minn etá żgħira. Jekk hemm xi ġenituri li jixtiequ jibagħtu t-tfal tagħhom għall-handball jew volleyball, aħna noffru tagħlim f’diversi lokalitajiet f’Malta sa minn etá żgħira ħafna. Jistgħu jikkuntattjawni fuq is-social media tagħna (Phoenix Sports Club) jew inkella jibagħtu messaġġ personali lili dirett fuq whatsapp fuq in-numru ċellulari, 79449359. 

Sport