Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-ekwestri?
Sa minn ċkuniti, iż-żiemel dejjem kien l-annimal favorit tiegħi. Il-ġenituri kienu jikkuntentawni billi xi drabi fis-sena joħduni horse riding u minn hemm l-imħabba għal l-irkib baqghat tikber fija. Dak iż-żmien ma kontx naf li f’Malta kien hemm fejn jiġi pprattikat l-isport tal-ekwestri allura ma kellix l-opportunita li nibda l-isport. Ta tmintax-il sena ltqajt mar-raġel li kumbinazzjoni hu delettant taż-żwiemel tat-trott kif ukoll ghandu l-propjeta’ tal-familja f’Hal Farruġ fejn hemm l-istalel taż-żwiemel. Minn hemm bdejt nieħu l-lezzjonijiet tal-irkib sakemm ġibt esperjenza ta’ ftit aktar minn sena u xtrajt l-ewwel debba tiegħi. Dak iż-żmien bdejt nipprattika d-dixxipplina tas-show jumping peress li d-debba li kelli xtrajtha speċifikament ghal dik id-dixxiplina u komplejt għal għaxar snin nittrenja u nikkompeti lokalment. Fl-istess żmien bdejt ukoll id-dressage u ghadni s’sissa nipprattikah. Sfortunatament f’Jannar tal-2024 tlift id-debba li kienet ilha ghandi 10 snin u kont iddeċidejt nieħu break mill-isport sakemm erġajt xtrajt ziemel iehor. Din id-darba iddeċidejt li nixtri żiemel li għandu bloodlines ta’ żwiemel fid-dixxiplina tad-dressage minħabba li ddeċidejt li nkompli nimraħ f’din id-dixxiplina.
Int tikkompeti fid dixxiplina Equestrian. Agħtina iktar dettalji.
Bħala atleta f’dan l-isport, minn dejjem kont waħda intiża fil-kompetizzjonijiet. Ili nikkompeti mill-2014, sa minn meta kelli ewwel debba First Angel. Minn hemm bdejt nikkompeti fil-qbiż tal-għoli 50cm u kull staġun dejjem inżid l-għoli fil-klassi sa ma wasalt li nikkompeti fil-klassi tal-għoli 90cm. Bejn il-ħajja personali u l-isport, minn dejjem kont inżomm lura milli naqbeż l-għoli, għas-sempliċi raġuni li dejjem tkun qed iżżid il-periklu fl-isport, peró xorta waħda qatt ma żammejt lura milli intejjeb il-wirja tiegħi. Kelli diversi aċċidenti fejn għal grazzja t’Alla, kont iffurtunata u dejjem tfarfart meta waqajt. Ħafna minnhom ġraw waqt it-tħaddim ta’ fost il-ġimgħa, l-importanti li wara kull waqgħa, sakemm ma jkunx hemm ksur jew xi ħaġa iktar serja, dejjem nitla lura fuq is-sarċ ħalli t-tħaddimha ma tispiccax fuq nota negattiva. Wara dawn l-aċċidenti kollha, nisħaq u nagħmel enfasi fuq kemm hu importanti li qabel ma tirkeb żiemel tara li jkollok il-gear essenzjali li huma il-helmets u body protector. Ħafna mill-aċċidenti li kelli jien u nipprattika x-show jumping, ġewni tajbin minħabba li kont liebsa dawn l-affarijiet. Il-professjonisti kollha f’dan l-isport, avolja għandhom esperjenza kbira, xorta waħda jilbsu l-gear protettiv. Bid-debba First Angel ikkompetejt ukoll fid-dixxiplina tad-dressage fejn bdejt fil-klassi Introductory u waqaft fil-klassi Preliminary.
Illum il ġurnata, biż-żiemel il-ġdid li għandi li jismu Lord Von Perseus, għadni qatt ma ikkompetejt bih. Wasal f’Malta f’Ġunju tal-2024 fl-eta’ ta’ erba’ snin allura għad irid jgħaddi minn ċertu żmien ta’ taħriġ kif ukoll nilħqu nidraw lil xulxin. Jekk Alla jrid, ser nippruvaw nikkompetu fl-aħħar kompetizzjoni tad-dressage organizzata mill-Federazzjoni ta’ dan l-istaġun fit-12 t’April 2025, dejjem jekk inħoss li t-tnejn li aħna preparati, jekk le, it-tir ewlieni hu li nibdew nikkompetu fl-istaġun lokali li jmiss.
X’unuri maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
S’issa kelli żewġ unuri lokali kif ukoll waħda internazzjonali. F’Malta ikklassifikajt it-tieni post għal sentejn konsekuttivi fiċ-Championships organizzati mill-Federazzjoni tal-Ekwestri f’Malta fid-dixxipplina tax-show jumping fis-snin 2022 u 2023. Unur ieħor, din id-darba internazzjonali, huwa fid-dixxiplina tad-dressage fejn ikkompetejt fil-klassi Preliminary, akkwistajt il-punteġġ ta’ 67.5% u klassifikajt ruħi fl-ewwel post. Din il-kompetizzjoni kienet kemm xejn differenti minħabba li saret online minħabba li saret f’żmien il-covid kif ukoll ikkompetejt kontra rikkieba minn madwar id-dinja kollha.
Kif tqis il livell tal-Equestrian f’pajjiżna fil-preżent?
Aktar ma jgħaddi żmien, il-livell fl-isport aktar qed jgħola, kif ukoll qed jiġu mportati żwiemel ta’ kwalitá aktar għolja. Il-Federazzjoni ta’ Malta tagħti bosta opportunitajiet ghal min jixtieq jimrah f’dan fl-isport. Kemm bħala kompetizzjoni lokali u internazzjonali, kif ukoll billi tipprovdi korsijiet ghar-rikkieba u kowċis sabiex jgħola l-livell lokali. F’Malta għandna bosta rikkieba bravi ta kull eta’ u ninsab ċerta li dan l-isport f’Malta ser ikun ta’ suċċess maż-żmien.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet ufficjali tagħkom?
Bħala riżorsi ta’ fejn isiru kompetizzjonijiet uffiċjali għaż-żwiemel hemm żewġ areni ewlenin li jinsabu f’Ħal Farruġ u l-Magħtab. It-tnejn li huma, huma areni miftuhin jiġifieri ż-żwiemel jitħadmu kemm fix-xemx u kemm fix-xita, sa ċertu estrem. Sfortunatament, meta jkollok areni hekk, ħafna drabi l-kompetizzjonijiet jkunu suġġett ta’ kif ikun imbassar temp. Jiġifieri każ komuni matul l-istaġun kompetittiv hu li ġieli kompetizzjoni tigi pposponuta jew saħansitra kkanċellata jekk ikun il-maltemp.
Bħala taħriġ, apparti dawn iż-żewġ areni, hemm min għandu post personali attrezzat għat-tħaddim ta’ kuljum.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-Equestrian?
Bħalissa nixtieq inżomm saqajja mal-art u nimxi pass pass għas-sempliċi raġuni li ż-żiemel li għandi għadu żgħir u ta’ mingħajr esperjenza pero qalbi mhiex maqtugħa. Fil-preżent għandi gwida mill-kowċ Levi William Hunt li hu rikkieb Ingliz ta esperjenza internazzjoni u għandna fiduċja kbira li biż-żiemel li għandi jista jkolli ċ-ċans li nikkompeti bih ‘l barra minn xtutna għalkemm dan dejjem jiddependi fuq it-taħriġ u sagrifiċċju ta’ kuljum li jġib miegħu dan l-isport.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-Equestrian.
L-isport tal-ekwestri huwa l-uniku sport fid-dinja li jinvolvi annimal b’moħħ għalih kif ukoll l-uniku sport li m’mhemmx klassifika ta’ sess jew etá bejn ir-rikkieba, jiġifieri qatt mhu tard wisq biex tibda tipprattika dan l-isport! Huwa sport li jirrikjedi ħafna ħin, sagrifiċċji u paċenzja, iżda fl-aħħar mill-aħħar, huwa sport li jagħti pjaċir u sodisfazzjon kbir. Għal min hu mħajjar sabiex jibda dan l-isport, tistgħu żżuru l-website uffiċjali – www.maltaequestrianfederation.org/ fejn fiha wieħed jista jsib il-Coach Register għall-eqreb kowċ jew għal xi informazzjoni fuq il-kowċis li hemm imniżżla kif ukoll wieħed jista jsegwi l-paġni fuq il-midja soċjali tal-federazzjoni ta’ Malta fuq il-Facebook u Instagram – Malta Equestrian Federation fejn fuqhom ikun hemm aġġornament kontinwu ta’ attivitajiet, kompetizzjonijiet u korsijiet!