Minn Cistian Muscat
Kif bdiet l-imhabba tieghek lejn it-table tennis?
Bdejt nilgħab it-table tennis wara li kont nara l-familja tiegħi wkoll jilagħbu, liz-zija, lil ommi u wkoll lil ħuti s-subien, u mindu kelli ħames snin kont nosservahom u nipprova nilgħab jien ukoll. Imbagħad ħija l-kbir beda jgħallimni u fl-età ta’ għaxar snin kont diġà qed nilgħab fit-tournaments.
Iddeskrivi r-rwol tieghek fl-amministrazzjoni tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM).
Jiena d-direttur taż-żgħażagħ, u xogħli huwa li ninkoraġixxi, nirriċerka u nagħti s-sapport liż-żgħar biex jiżviluppaw fl-isports, u flimkien mal-federazzjonijiet ħloqna forma li l-atleti jistgħu jiksbu livell u jidħlu fl-iskema tal-KOM u jirċievu s-sapport tagħna.
U dak passat tiegħek fl-amministrazzjoni tat-table tennis.
Għal numru ta’ snin jiena kont is-Segretarja Ġenerali tal-isport u wkoll kont nidħol bħala kowċ nazzjonali meta jinqala’ l-bżonn.
Kif tqis il-livell tat table tennis f’pajjiżna u kif rajtu jinbidel tul is snin?
It-Table tennis huwa sports li dejjem qed jikber. Saru ħafna tibdiliet fejn jidħlu regoli, riżorsi, u wkoll faċilitajiet, u huwa ferm sabiħ li tara l-ħeffa u s-saħħa tal-ballun. Dan affettwa wkoll it-taħriġ u kif tgħallem l-isports għax it-tattika issa nbidlet.
U biex jitħajru aktar sapporters, il-kulur tal-mejda nbidel għal iswed, anke l-art, u dan jgħin biex min qed isegwi minn fuq it-televiżjoni jara aħjar, għax il-kuntrast tal-ballun abjad mal-isfond iswed u mal-ħeffa tal-ballun jgħin lil min qed isegwi.
U dak fejn il-plejers jitħarrġu u jilagħbu dan l-isport f’pajjiiżna?
L-MTTA hija assistita minn Sport Malta u t-tournaments u l-kampjonati jintlagħbu fil-Multi premises tal-gym tal-Università ta’ Malta. Kull tim u l-membri għandhom postijiet differenti għat-taħriġ madwar Malta, għalhekk huwa aktar faċli għan-nies biex jissieħbu li jridu jagħmlu xi tip ta’ sports.
Kif tqis il mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent? Tahseb li saru avvanzi rigward dan f’dawn l-ahhar snin?
Sar ħafna xogħol mill-federazzjoni u l-assoċċazzjoni, u kien hemm għajnuna mill-Gvern biex jinfetħu faċilitajiet differenti. Sports Malta hija attiva b’tim b’saħħtu, u aħna bħala kumitat tal-Olimpjadi Maltin ukoll qed naħdmu bħala tim biex intejbu l-isports, u ngħinu lill-atleta biex jikber.
Illum il-pubbliku ġenerali, huwa diffiċli biex ma ssibx persuna li ma tagħmilx xi tip ta’ sports. Xorta hemm lok għal titjib, imma meta nikkompara ż-żmien meta kont atleta jiena sal-lum, nista’ ngħid li s-sapport li nara li jingħata lill-atleta huwa ferm aħjar.
Kemm jgħinek l-isport kemm mil-lat fiżiku kif ukoll minn dak mentali / psikoloġiku?
Meta inti tkun persuna sportiva, inti tista’ ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħek. Fiżikament inħossni f’saħħti, u meta nikkumpara lili nnifsi ma’ nies tal-istess età tiegħi, nara li s-saħħa tiegħi matul il-ġurnata tkun itwal, u meta eżempju nweġġgħu jew inkunu ma nifilħux bħal riħ, nirkupraw aktar malajr, u dawn huma l-benefiċċji li nżommu ruħna b’saħħitna. Tgħin ukoll li tkun determinat bħala persuna sportiva; naraw lid-dinja bħala basket mimli opportunitajiet u aħna lesti li dawn nisfruttawhom. Meta niltaqgħu ma’ sfidi lesti li negħlbuhom, għax dik hija ħaġa li l-isport tgħallimna lilna bħala atleti, u tgħinna kif inġibu ruħna mas-sitwazzjonijiet tal-ħajja. Kapaċi wkoll nagħmlu ħafna affarijiet f’daqqa, għax nafu li l-ġurnata għandha ammont ta’ sigħat, u jeħtieġ li nlaħħqu max-xogħol, taħriġ, studju u wkoll ma’ xi laqgħat li jkollna.
Is-suġġett dwar is-saħħa mentali huwa wieħed li nippruvaw ngħallmuh liż-żgħażagħ atleti tagħna, biex jitgħallmu jlaħħqu mal-pressjoni tal-ħajja fosthom meta b’mod inġust ikollhom pressjoni min-naħa tal-ġenituri jew anke kowċis.
Mill-esperjenza tiegħi nħoss li tgħallimt kif inġib ruħi mal-ħajja u kif nadatta, meta l-affarijiet mhux sejrin kif nixtieq jien jew kif suppost ikunu. Meta tiġi għal fażijiet diffiċli inti tkun kapaċi tegħlibhom, taċċettahom u tibqa’ għaddej b’ħajtek. L-isport ser jgħinek biex tiffaċċja din il-ħajja moderna, iebsa u mgħaġġla li qegħdin fiha.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal isport?
Ħajti fl-isport dejjem kienet fi rwol ta’ amministrazzjoni, u meta tħobb l-isport u l-iżvilupp tiegħu, inti tkun lest biex tkun ta servizz għall-oħrajn, u jien dejjem għatxana li ntejjeb lili nnifsi, nirriċerka u naħdem biex noħloq sitwazzjonijiet aħjar biex l-isport jibqa’ jikber. Dan kollu jagħmel sehmi mal-KOM jimlieni bl-enerġija, u fil-fatt it-tim li naħdem miegħu jiena għandu l-istess għanijiet, dik li jgħinu lill-atleti, li jitjiebu u jakkomodaw lill-atleti, joffru aktar opportunitajiet biex jassistu lill-amministrazzjoni li hija tant important.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika xi tip ta’ sport.
Meta nitkellem man-nies, kemm bħala kowċ, ġenitur, atleta u uffiċjal fl-isport, dejjem ngħid dwar l-importanza tal-isports, u mhux biss importanti għalik innifsek imma wkoll biex ikollna dinja aħjar. Id-dinja tkun post isbaħ meta tiltaqa’ ma’ nies b’imħabba lejn l-isports u jwaqqa’ l-ħitan li jista’ jkun hemm bejn il-pajjiżi.
L-isports għandu l-lingwa tiegħu li aħna lkoll nistgħu nifhmu, u għalhekk id-dinja tista’ tiġi eqreb lejn xulxin. Lill-atleti kollha nirringrazzjahom tax-xogħol iebes li jagħmlu kuljum u ta kemm juru dixxiplina u determinazzjoni sa minn età żgħira.
Lill-kowċis inwassal messaġġ ukoll li huwa sabiħ li toħloq rebbieħ, iżda kull tifel u tifla, anke jekk il-karriera tagħhom mhux dejjem tipprometti, dawn huma rebbieħa wkoll għax għażlu l-isport bħala stil ta’ ħajja!