Monday, December 23, 2024

“L-Isptar għaraft naprezza l-ħajja u l-bżonn li nipproteġuha mill-konċepiment sal-mewt”

Il-Maġistrat Mifsud jisħaq dwar il-bżonn li l-ġustizzja ssir fi żmien raġonevoli waqt l-aħħar seduta fil-Qorti t’Għawdex

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tul is-seba’ snin li għamilt fostkom iddeċidejt 5708 kawża li kienu jinkludu 531 kumpilazzjoni. Dan seta’ jsir bil-koperazzjoni tagħkom avukati, uffiċjali tal-pulizija u l-istaff ħabrieki tiegħi. Niskuża ruħi li kont esiġenti ħafna magħkom imma nisħaq li l-poplu jixraqlu ġustizzja fi żmien raġonevoli u mhux wara tant snin.  Dawn huma persuni tad-demm u l-laħam u mhux numri.  Hemm min jagħmel iljieli ma jorqodx meta jirċievi avviz li jrid jidher il-qorti anke fuq sempliċi kontravenzjoni. Iddikjara dan il-Maġistrat Joe Mifsud waqt li kien qed jippresiedi l-aħħar seduta fil-Qorti t’Għawdex biex ikun jista’ jaħdem iktar fil-Qorti ta’ Malta. 

Il-Qorti t’Għawdex ilha snin tibki għal sit ġdid

Dwar dan Mifsud ma naqasx milli jagħti numru ta’ raġunijiet u fost l-oħrajn irrimarka l-problemi ta’ aċċessibilità fil-Qorti t’Għawdex, anke fid-dawl ta’ problemi ta’ saħħa riċenti li sofra minnhom.

Fakkar dwar din il-problema bħala waħda li ilha għaddejja u li lura fit-30 ta’ Ġunju tal-2015 kellu jieħu azzjoni u ordna biex isir passaġġ sigur meta nnota li l-ħaddiema kienu qegħdin jgħaddu minn fuq fallakki minħabba xi xogħol li kien għaddej.

Huwa kompla fuq dak li qal il-Prim Imħallef fl-aħħar jiem rigward il-bżonn ta’ sit ġdid li l-Qorti ta’ Għawdex ilha snin tibki għalih. Il-Prim Imħallef qal ukoll li għandha tinstab soluzjoni minnufih biex jiġu indirizzati nuqqasijiet serji amministrattivi biex din l-istituzzjoni tkun tista’ trendi kif meħtieġ u mistenni dmirijietha.

Wara tliet seduti f’Għawdex sab ruħu l-emerġenza

Il-Maġistrat Mifsud irrefera għal Diċembru tas-sena li għaddiet u fakkar kif wara tliet seduti fid-19 tax-xahar, spiċċa fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei u minn hemm beda proċess ta’ kura li dam 196 jum u li minħabba raġunijiet ta’ saħħa kellu jieqaf temporanjament mill-ħidma tiegħu fil-qrati.

Hawnhekk huwa għamel dikjarazzjoni b’saħħitha fejn qal li f’dan iż-żmien li dam rikoverat kellu ċans japprezza l-ħajja u l-ħidma li hemm bżonn biex din tiġi protetta mill-konċepiment sal-mewt.

Kulma qiegħed jitlob iċ-ċittadin hu li jħossu sigur

Il-Maġistrat tkellem dwar il-ġustizzja fil-verità u x-xewqa li l-awtoritajiet tal-Istat u l-aġenziji ma jħallux lill-poplu waħdu għax fl-aħħar mill-aħħar kulma qiegħed jitlob iċ-ċittadin huwa li jħossu sigur. 

Tkellem dwar meta beda bil-ħidma tiegħu u kif sab quddiemu mijiet ta’ kawżi fuq l-ixkafef f’envelops varji mmarkati sine die. Fakkar ukoll kif bdiet ħidma biex b’rittmu mgħaġġel jinħelsu kawżi li kien ilhom snin jistennew deċiżjoni b’min kien mixli ġej u sejjer. 

“Dak iż-żmien kien hemm min qalli “M’intix ħa tħallilna xogħol!” Il-ġustizzja trid issir fi żmien raġjonevoli mhux b’mod kajman li taf meta dħalt hawn u ma jkollokx idea meta teħles. La hu sew għal min ikun mixli u lanqas għall-vittmi”, saħaq Mifsud.

Mifsud ma naqasx milli jikkwota parti oħra mid-diskors tal-ftuħ tas-sena forensi u rrefera għall-pulizija bħala gwardjani tal-ġustizzja u mhux tal-liġi li jeħtieġu mhux biss l-għarfien tal-liġi imma li jkollhom qalb kbira. Kompla biex jgħid li hija l-qalb u mhux l-għajnejn li tara dak li huwa essenzjali fil-ħajja.

Qabbel lill-maġġoranza dawk li jagħtu servizzi fil-qrati mas-Samaritan it-tajjeb għax jagħtu lilhom infushom biex “idewwu” jew “ifejqu“ kemm lill-vittmi tal-kriminalità u anke lil dawk li jiżbaljaw. Fakkar li meta beda bil-ħidma tiegħu kien daħħal l-użanza li jrodd is-salib qabel jibda s-seduta u i kien hemm min ilmenta. Madanakollu huwa ma ċediex u minflok saħħaħ il-messaġġ u beda jgħid tliet Ave Marijiet.

Il-Maġistrat se jibqa’ attiv fil-ħidma

Il-Maġistrat temm jgħid li se jibqa’ attiv f’Għawdex u f’Malta filwaqt li jkabbar l-għarfien lejn il-Madonna ta’ Pinu u Dun Mikiel Attard li kienu miegħu waqt li kien fuq is-sodda numru 22 fis-Surgical Ward, numru b’sinifikat kbir għalih. Dan għaliex minbarra li hija l-festa li tfakkar meta l-Madonna ta’ Pinu qalet lil Karmni Grima, ejja, ejja, ejja, huwa wkoll il-jum li naqgħad fiż-żwieġ ma’ marti li ddeskriva bħala l-ikbar kritiku tiegħu iżda fl-istess waqt l-ikbar spalla f’ħajtu.

Tifkiriet ta’ apprezzament

Filwaqt li ngħataw l-aħħar tliet sentenzi, il-Maġistrat ġie ppreżentat tifkiriet mill-avukati Għawdxin li tawh opra artistika tal-iskultur Victor Agius u l-istaff u l-pulizija li tawh pittura tal-artist Dennis Monpalao li tissimbolizza l-ġustizzja. 

Min-naħa tiegħu, bħala ringrazzjament mill-familja, flimkien ma’ martu Maria taw donazzjoni lil familji fil-bżonn li jmorru jħabbtu l-bieb tal-Isqof u żewg bukketti fjuri; wieħed lill-Madonna ta’ Pinu u l-ieħor lil Dun Mikiel Attard, serv ta’ Alla li miet fl-2004 u li bdiet triqtu għall-beatifikazzjoni.

Ekonomija

Sport