L-Isqfijiet ta’ Malta is-Sibt filgħaxija laqgħu u għaddew l-awgurju tal-Milied u l-bidu tas-sena l-ġdida lill-President Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Abela, l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg u Sarah Bajada, membri parlamentari u rappreżentanti tal-ogħla Awtoritajiet tal-Istat u Korpi Kostitwiti fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta.
L-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzjahom tax-xogħol li jagħmlu kif ukoll wera t-tħassib tiegħu dwar it-traġedja tal-vittmi maqtula fil-gwerer li hemm għaddejjin bħalissa kif ukoll dik tal-vittmi tal-abort – li qed tħalli eluf mejta fis-sena. Hu semma wkoll il-ħtieġa li tkompli ssir ħidma biex kulħadd ikollu dar, li hi parti mid-dinjità tal-bniedem. Saħaq ukoll dwar il-verità, speċjalment mill-ogħla awtoritajiet kollha tal-pajjiż, irrelevanti jkunx hemm kodiċi ta’ etika jew le.
Waqt Milied Flimkien fi Pjazza Kastilja, l-Arċisqof ħeġġeġ lin-nies biex “niddedikaw ħin għal xulxin bil-preżenza personali” tagħna, li hi l-ikbar rigal li nistgħu nagħtu lil xulxin.

