Naħseb li ftit huma dawk li b’xi mod jew ieħor ma semgħux, anke jekk ma segwewx, il-kontroversja, polemika, li nqalgħet wara diskors li għamel riċentement Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, li fih ibbaża l-argument fejn fl-opinjoni tiegħu t-tarbija ssir oġġett, issir proprjetà. F’dan il-kuntest l-Isqof ta’ Għawdex irrefera wkoll għaċ-Childcare Centres. Imma, naħseb, li r-reazzjoni kienet kawżata primarjament dwar it-tarbija-oġġett.
Tul is-snin twal tiegħi fil-ġurnaliżmu, dalwaqt ħamsin, dejjem kont mgħallem li ebda diskors, ebda kitba b’reazzjoni, m’għandu jittieħed barra mill-kuntest. Għalhekk is-sentenza li “anke x-xitan jikkwota l-Bibbja”. Kont mgħallem ukoll li “qatt m’għandek tiġġeneralizza u tpoġġi lil kulħadd f’keffa waħda”.
B’dan f’moħħi ħadt gost li ltqajt mad-diskors kollu li għamel l-Isqof ta’ Għawdex. Sibtu miktub minnu stess f’waħda mill-ġazzetti Maltin tal-Ħadd, l-1 ta’ Frar 2026, bit-titlu ‘L-ebda tarbija mhi oġġett’.
L-Isqof ta’ Għawdex isejjes l-argument tiegħu li t-tarbija f’ġuf ommha hija don li ngħata minn Alla lill-koppja. Rigal fdat f’idejn il-koppja, tarbija “li forsi ‘l quddiem għad nippretenduha u nqisuha bħala proprjetà tagħna. Meta persuna ssir proprjetà, oġġett, naqgħu f’ħafna żbalji, għax oġġett iservi biex jissodisfa l-bżonnijiet tagħna, bħalma tista’ tkun karozza, kamra tas-sodda, kċina u kull oġġett li hemm fid-dar. L-ebda persuna li hemm fid-dar, la r-raġel, la l-mara u inqas u inqas it-tfal, ma jistgħu jservu biex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħna, għax inkella ma jkunux aktar persuna imma jsiru oġġett. L-ebda persuna fostna ma tieħu gost jekk tkun meqjusa bħala oġġett u mhux stmata bid-dinjità ta’ persuna kif tassew aħna.”
Naħseb, u sinċerament inħoss, li t-tarbija titqabbel ma’ karozza, ma’ kamra tas-sodda, ma’ kċina, kien paragun iebes. Paragun li x’aktarx, u naħseb li hekk għamel, li urta, weġġa’ lill-maġġoranza assolutissima ta’ dawk li huma ġenituri. Jista’ b’mod remot ikun hemm xi każ bħal dan, imma l-eċċezzjoni ma tagħmilx regola. Ara kieku tgħidli li persuna li jkun/tkun qed tagħmel il-flus minn fuq il-prostituzzjoni ta’ mara ngħidlek IVA, hemmhekk il-mara tkun qed tiġi trattata ta’ OĠĠETT. Hemmhekk il-mara tkun qed titqies bħala PROPRJETÀ. U dan huwa kundannabbli mingħajr ebda riżerva. Imma li ġġib tarbija fid-dinja biex tqisha bħal meta xtrajt karozza għalija iebsa wisq biex inniżżilha.
L-Isqof ta’ Għawdex iżid jgħid hekk: “Jekk it-tarbija tkun sempliċiment oġġett u intom għandkom x’tagħmlu, ma tridu xejn biex kif ikollha xahrejn jew tlieta, titfgħuha f’childcare centre. Jien qatt ma nixba’ nikkundanna ċ-childcare centres sal-età ta’ sentejn. Dan jagħmluh il-psikologi kollha bis-sens.”
F’dan il-paragrafu naħseb li ntuża verb iebes wisq mill-Isq of ta’ Għawdex meta kiteb TITFGĦUHA f’childcare centre. Bħal donnok qbadt biċċa mbarazz u rmejtha. Almenu kellu jintuża l-verb ĦADTUHA u mhux TITFGĦUHA.
Inħossni ġustifikat nistaqsi dwar żewġ sentenzi oħra minn dan il-paragrafu: “Jien qatt ma nixba’ nikkundanna ċ-childcare centres sal-età ta’ sentejn. Dan jagħmluh il-psikologi kollha bis-sens.”
Għaliex ċ-childcare centres huma kundannabbli BISS sal-età ta’ sentejn? X’jinbidel fihom wara sentejn u ġurnata? X’ikun dak li kien kundannabbli u l-għada ma jibqgħax kundannabbli?
L-Isqof ta’ Għawdex temm kitbietu hekk: “Tnejn li jisseparaw, lit-tfal jibdew iqisuhom jew bħala xkiel jew bħala proprjetà, bħala vleġġa fil-ħorġ li biha jisparaw fuq xulxin. Għiduli jekk humiex qed iqisu lit-tfal bħala oġġett! Jinqdew bit-tfal biex iweġġgħu lil xulxin. Għiduli jekk meta nuża l-kelma ‘tinqeda’ hux qiegħed tqis lil dawk il-persuni bħala oġġett! U nista’ nibqa’ sejjer b’elf eżempju ieħor.”
Naf diversi nies, fosthom ħbieb tiegħi, li għal xi raġuni jew oħra spiċċaw separati. Naf b’każijiet fejn iva, kif kiteb l-Isqof ta’ Għawdex jinqdew bit-tfal biex iweġġgħu lil xulxin. Bħalma naf ukoll b’koppji separati li ma jagħmlux hekk, anzi fejn jidħol il-benesseri tat-tfal jimxu kif inhu xieraq u kif inhu fl-interess tat-tfal.
Għalhekk fil-bidu għidtlek li kont mgħallem ukoll li “qatt m’għandek tiġġeneralizza u tpoġġi lil kulħadd f’keffa waħda”. Bħalma ma jkunx sewwa u xieraq li meta jiżbalja xi membru tal-kleru, żgħir kemm ikun żgħir jew kbir kemm ikun kbir l-iżball, tkun xi tkun il-forma tiegħu, teħel il-Knisja kollha. Ma jkunx sewwa u xieraq li l-kleru kollu jitpoġġa fl-istess keffa.

