Sunday, December 22, 2024

L-Isqof t’Għawdex jikkritika lil min jinqeda b’dawk li jiġu f’pajjiżna biex isibu ħajja aħjar

Aqra wkoll

“Xi drabi l-mod kif qed inqisu u nitrattaw lil dawk li jiġu fostna, min biex ifittex xogħol, min jaħrab il-gwerra, min ħaġa u min oħra … kważi kważi għamilnihom qaddejja tagħna”. Iddikjara dan l-Isqof t’Għawdex Anton Tuema waqt il-pontifikal solenni fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-istatwa titulari ta’ Marija Bambina fix-Xagħra Għawdex.

Teuma qal li r-regalità tan-nisrani ma tikkonsistix f’kemm jikkmanda jew jikkontrolla imma f’kemm huwa kapaċi jaqdi u f’kemm hu lest li jilbes il-fardal. Huwa kompla biex jgħid li huwa faċli li nistennew lil ħaddieħor jaqdina u ngergru jekk ħaddieħor ma jaqdiniex. Żied jgħid li hija sfida li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin nidħlu f’din id-dimensjoni ta’ fantasija fejn nippretendu li l-oħrajn jaqduna.

F’referenza biblika għax-xbieha ta’ Marija Reġina taħt is-salib, l-Isqof Għawdxi qal li tant din il-mara kienet tħobb li kienet lesta tagħti lil binha meta ħafna drabi għall-omm hija aktar faċli li toffri lilha nnifisha milli tagħti lil binha.

Huwa qabbel il-valuri tal-bniedem li f’ħajja ta’ sempliċità ta’ bniedem li kapaċi juri mħabba lejn il-proxxmu, jaħfer u anke jieħu paċenzja b’xulxin li jista’ jqis lilu nnifsu bħala re jew reġina.

“Sfortunatament qed ngħixu f’dinja li taljenana, li ħolqot ħafna kumdità u għamlitha bżonn imma sempliċiment biex iddawwar il-magna ekonomika u qiegħda bil-mod il-mod tjassar lil kull wieħed u waħda minna”, tenna jgħid l-Isqof Teuma.

Ekonomija

Sport