Friday, October 24, 2025

L-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija twassal biex kumpaniji jibqgħu jkabbru u jinvestu fil-ħaddiema

Aqra wkoll

Grazzi għad-deċiżjoni tal-Gvern li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli, kumpaniji f’Malta qed jirnexxilhom jikbru u jissaħħu aktar. Dan huwa l-każ ukoll għal kumpanija lokali li tagħmel injection moulding għal klijenti lokali u internazzjonali li qed jirnexxilha tkompli tkabbar l-operat tagħha u tinvesti fil-ħaddiema.

Waqt żjara mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli fil-kumpanija Thermoplastics, id-direttur maniġerjali Kenneth Caruana spjega kif il-kumpanija, li twaqqfet fl-1996, hija kompetittiva fi swieq Ewropej u tal-Lvant propju minħabba l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-elettriku.

“L-operat tagħna jiddependi bis-sħiħ fuq il-prezzijiet tal-enerġija: l-elettriku, u l-plastik bħala l-materjal bażi tagħna li minnu noħolqu l-prodotti. Is-serħan il-moħħ li l-prezz tal-enerġija f’Malta huwa kompetittiv u stabbli, jgħinna biex inkunu nistgħu noffru servizzi kompetittivi u nkomplu ninvestu fil-kumpanija u l-ħaddiema,” spjega Caruana.

Waqt li l-Ministru Dalli ltaqgħet mal-ħaddiema u segwiet mill-qrib l-operat ta’ ThermoPlastics, iċ-Chief Operating Officer Mark Spiteri u ċ-Chief Development Officer Stephen Xerri spjegaw kif il-kumpanija għandha tliet fabbriki tal-manifattura, b’waħda minnhom fit-Tuneżija. B’operat sostenibbli, il-kumpanija tara li tirriċikla l-plastik sabiex jintuża fil-produzzjoni tal-prodotti u tixtri materjal li huwa riċiklat jew bijodegradabbli.

“Bl-investimenti li għamilna tul is-snin, biddilna 75% tal-magni għal oħrajn aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Fl-istess waqt, qegħdin nippjanaw rinnovazzjoni tal-binja sabiex ikollna binja aktar effiċjenti fil-konsum tal-elettriku u nintroduċu enerġija rinnovabbli,” tenna Caruana.

Dan l-investiment mistenni jwassal għal żieda fil-ħaddiema b’ħiliet għolja li ThermoPlastics se tkun qed timpjega f’oqsma ta’ inġinerija, finanzi, riżorsi umani u loġistika fost oħrajn.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jassisti lin-negozji u l-familji fil-prezzijiet tal-enerġija. “Mill-2021 sal-lum, il-Gvern investa mal-biljun ewro sabiex il-pressjonijiet internazzjonali fuq ir-rati tal-elettriku, il-fjuwil u l-LPG ma jġorruhomx il-familji. Dan l-impenn se nkomplu nġorruh ukoll fil-Budget li se jiġi ppreżentat għas-sena d-dieħla.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport