Thursday, February 26, 2026

L-istabbiltà ta’ Malta tibqa’ element ewlieni li jattira l-investiment

– Il-Prim Ministru waqt l-inawgurazzjoni tal-Business Hub il-ġdid tal-Bank of Valletta

Aqra wkoll

Waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Business Hub il-ġdid tal-Bank of Valletta (BOV) f’The Quad Central, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru Silvio Schembri, iddeskriva dan l-investiment bħala pass strateġiku li jkompli jsaħħaħ is-servizzi finanzjarji għan-negozji, filwaqt li jibgħat messaġġ ċar ta’ fiduċja fl-ekonomija Maltija. Fi sfond internazzjonali ta’ inċertezza u pressjoni ekonomika, l-istabbiltà ta’ Malta tibqa’ element ewlieni li jattira l-investiment.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan mhux biss post ġdid tax-xogħol imma vot ġdid ta’ fiduċja, fiduċja fil-bank, fiduċja fin-nies tiegħu, u fiduċja fid-direzzjoni li qed jieħu pajjiżna. Huwa qal li fi żmien ta’ inċertezza globali, tensjonijiet ġeopolitiċi u bidliet fit-teknoloġija u l-finanzi, l-istabbiltà saret vantaġġ kompetittiv. Saħaq li Malta baqgħet miftuħa għal negozju serju, impenjata fir-riformi u determinata li tibqa’ miexja ’l quddiem.

Dr Abela rrefera għall-evalwazzjoni tal-IMF, li tikkonferma momentum ekonomiku b’saħħtu minkejja riskji globali. Huwa semma l-fatt li l-IMF irrakkomandat li l-konsultazzjoni li jmiss taħt l-Artikolu IV issir fuq ċiklu ta’ 24 xahar flok 12-il xahar, u dan huwa rikonoxximent tal-mod responsabbli li bih titmexxa l-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll responsabbiltà biex nibqgħu dixxiplinati, intejbu u nsaħħu r-reżiljenza tagħna.

Huwa għamel referenza wkoll għall-irwol internazzjonali ta’ Malta, speċjalment fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni, b’dawn jibagħtu sinjal ċar li l-kapital qed ikompli jagħżel lil Malta, għax Malta qed toffri ċertezza.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia, tkellem dwar il-funzjoni u l-viżjoni wara dan iċ-Ċentru modern. Huwa spjega li, “Is-servizzi kummerċjali li noffru evolvew b’rata mgħaġġla, u għalhekk ħassejna l-ħtieġa li niġbru s-servizzi kollha taħt saqaf wieħed, sabiex il-klijent tan-negozju jinqeda b’mod aktar komdu, effiċjenti u integrat. Dan il-Business Hub ġdid jagħti lill-klijenti tagħna aċċess ċentrali, b’faċilitajiet ta’ parkeġġ u ambjent professjonali fejn jistgħu jiltaqgħu mar-rappreżentanti tagħna u jirċievu għarfien espert għal kull bżonn finanzjarju tagħhom. Rajna wkoll li nkunu nistgħu noffru firxa sħiħa ta’ servizzi bankarji fuq il-post, u għalhekk inkludejna fergħa ddedikata għall-klijenti kummerċjali sabiex wieħed ikun jista’ jinqeda mill-istess post hawn fiċ-ċentru ta’ The Quad Central.”

Is-Sur Farrugia żied jgħid li l-Bank huwa partikolarment kburi li dan il-bini ġdid jinsab f’bini ċertifikat LEED Platinum, l-ogħla livell ta’ rikonoxximent globali għall-bini sostenibbli. Dan, fi kliemu “jirrappreżenta t-tmexxija tagħna lejn prattiki ambjentali moderni u jirrifletti l-impenn tal-Bank lejn finanzjament aħdar, sostenibbli u responsabbli lejn il-komunità.”

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-BOV, Dr Gordon Cordina qal li b’dan l-investiment, il-Bank qed jagħti messaġġ ċar tal-impenn tiegħu lejn il-kwalità. “Dan il-Hub il-ġdid se jfisser servizz aħjar għall-klijenti tagħna, post ta’ xogħol aħjar għall-impjegati tagħna, u impatt iktar sostenibbli fuq il-klima u l-ambjent. Dan jikkumplimenta b’mod xieraq l-investimenti li l-Bank qiegħed jagħmel fit-teknoloġija informatika u diġitali.”

Iċ-Chairperson kompla jsostni li l-investiment fil-kwalità msejsa fuq il-ħtiġijiet tal-klijenti, fir-riżorsi umani, fit-teknoloġija u fis-sostenibbiltà hija r-riċetta għall-iżvilupp dejjiemi ta’ pajjiżna, hekk kif imħaddna fil-Viżjoni Malta 2050. “Il-Bank of Valletta jibqa’ fuq quddiem biex jagħti sehmu permezz tal-proġetti li jiffinanzja, bil-ħidma li titwettaq propju minn din il-binja.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport