Friday, December 13, 2024

L-istadiums fl-Italja se jibqgħu nofshom vojta anke għall-UNL

Aqra wkoll

L-Italja se tiffaċċja lil Spanja fis-semi-finali tal-UEFA Nations League nhar l-Erbgħa li ġej, fis-6 ta’ Ottubru, imbagħad fl-10 ta’ Ottubru tilgħab jew fil-finali jew fil-partita għat-tielet post, bil-logħbiet kollha jintlagħbu fl-Italja stess.

Kien ittamat li l-istadji jitħallew jinfetħu għal mill-inqas 75% tal-kapaċità tagħhom, sa dak l-istadju, iżda l-president tal-Federazzjoni Taljana, Gabriele Gravina, ikkonferma li dan huwa ‘impossibbli.’

“Aħna mhux lesti, irrispettivament minn x’jistgħu jkunu d-deċiżjonijiet,” qal Gravina f’konferenza stampa.

“Nixtieq li konna nafu dan xahar ilu, allura stajna nkunu aktar ċari bil-kommunikaz­zjonijiet tagħna. Il-clubs se jitħabtu wkoll biex ibiegħu l-biljetti staġjonali. Diġà wissejt li ma nistgħux immorru lil hinn mill-kapaċità ta’ 50% fin-Nations League.”

Kien ittamat li l-Gvern u l-Kumitat Xjentifiku Tekniku CTS) jagħtu permess għal 75% mill-1 ta’ Ottubru, iżda dan għadu ma ġarax.

“Jiena nistenna pass għal 100% pjuttost dalwaqt, iżda ejjew ma nagħmlux dan punt ta’ referenza indispensabbli fil-prijoritajiet tagħna, minħabba li xi stadji lanqas biss biegħu l-kapaċità ta’ 50%.”

Dan ukoll minħabba li diversi gruppi ta’ ultras, l-aktar ta’ Napoli, qed jibbojkottjaw il-logħob tat-team tagħhom meta jkunu qed jilagħbu f’darhom sakemm jitħallew jinġabru mingħajr distanzi soċjali fit-taqsima tal-Curva tal-areni.

Il-partitarji ta’ Napoli ilhom jinġabru barra l-Istadju Diego Armando Maradona biex jifir­ħu lit-team tagħhom.

“Hemm xi setturi ta’ xi partitarji li ma riedux jaderixxu mar-regola tal-50%, billi jargumentaw li kienet kollox jew xejn, iżda nittamaw li meta tiżdied għal 75% ikunu aktar inklinati li jidħlu.”

Partitarji li jixtiequ jattendu logħob fl-Italja għandhom ukoll jilbsu maskri u juru l-Green Pass, li hija evidenza li ħadu t-tilqima, irkupruw reċentiment mill-Covid-19 jew ittestjaw negattiv għall-Covid-19 fl-aħħar 48 siegħa.

Ekonomija

Sport