Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira ta’ sitt snin. Niftakar l-iskola sħabi kienu bdew isemmu li bdew imorru taħriġ tal-futbol u xtaqt immur proprjament biex inqatta’ aktar ħin mal-ħbieb. Imbagħad aktar kemm bdejt nittrenja aktar bdejt nitla’ nara l-logħob ġol-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali ma’ missieri u ma’ ommi u nara logħob fuq it-televxin u minn hemmhekk ġietni l-aspirazzjoni li nsir plejer tal-futbol u bdiet tikber l-imhabba tiegħi lejn dan l-isport.
U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Ir-rwol ta’ goalkeeper għażiltu minn ta’ etá żgħira. Dejjem kien jaffaxxinani nara t-taħriġ tal-goalkeepers li kienu jittrenjaw qabel il-ħin tat-taħriġ tiegħi u meta kont nitla’ l-grawnd u nara l-logħob fuq it-televixin dejjem kont inħares lejn x’ikun qed jagħmel il-goalkeeper u bdejt nuri interess biex nibda nilgħab fil- pożizzjoni ta’ goalkeeper. Minn mindu bdejt nilgħab il-futbol dejjem ħassejt aktar sodisfazzjon inġib is- saves u nagħmel ‘dives’ milli nilgħab bħala plejer, u b’hekk proprjament għażilt ir-rwol ta’ goalkeeper.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ San Ġwann FC.
Ingħaqadt ma’ San Ġwann FC f’Jannar tal-istaġun li għadda u sa mill-ewwel ġurnata sibt klabb li laqagħni b’idejh miftuħin. Qegħdin grupp ta’ plejers, staff tekniku u membri tal-kumitat magħqudin ħafna, li kienet waħda mill-akbar fatturi li kkontribwixxiet għal dan l-istaġun pożittiv li qed ikollna.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ San Ġwann FC matul l-istaġun li għadda fin-National Amateur League 1?
L-istaġun li għadda, għalkemm spiċċa b’diżappunt wara li konna punt wieħed biss ‘il bogħod minn promozzjoni, ħareġ ħafna pożittiv minnu. Fattur importanti li kellna matul l-istaġun li għadda kienet l-għaqda li kellna fl-iskwadra tagħna li nemmen li kienet fattur kruċjali għall-istaġun li kellna. Lgħabna futbol sabiħ ħafna kif ukoll anke meta konna darna mal-ħajt bqajna nemmnu bħala tim unit u f’bosta okkażjonijiet irnexxielna ndawru logħbiet favurina fl-aħħar mumenti.
Din l-għaqda u n-‘never say die attitude’ li kellna matul l-aħħar staġun wasslitna biex bqajna niġġieldu u nemmnu fil-promozzjoni sal-aħħar ġurmata tal-kampjonat u ċert li aħna ħa nġibu dil-għaqda u n-‘never say die attitude’ magħna fl-istaġun li ġej biex jerġa’ jkollna staġun ieħor pożittiv!
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
L-istaġun li ġej qed inħarsu lejh bl-għan li nkomplu nibnu fuq il-bażi b’saħħitha li bnejna bħala tim, kemm fil-pitch, kif ukoll fuq l-għaqda li għandna bejnietna, li attwalment ħa twassalna biex ikollna staġun pożittiv ieħor!
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Xavier Saliba?
Il-kowċ Xavier Saliba huwa wieħed mill-aqwa kowċis li qatt ħdimt miegħu. Għandi rispett kbir lejn id- dedikazzjoni, il-professjonalitá u l-passjoni tiegħu. Nemmen li l-preparazzjoni tiegħu lejn kull logħba huwa fattur importanti li għenna jkollna dat-tragward għall-ġlieda biex niksbu l-promozzjoni, u apparti minn hekk, il-kowċ Xavier għen kemm lili u kemm lill-kumplament tal-iskwadra biex ningħaqdu flimkien u nitjiebu kollettivament bħala plejers.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’pożittività. L-għan tiegħi huwa dak li nkompli naħdem u nkompli nitjieb biex kemm jista’ jkun nilgħab f’diviżjonijiet ogħla, u biex ikolli karriera twila fil-futbol. Ix-xewqa tiegħi hi dik li nkompli ntella’ l-livell tiegħi biex nilħaq livelli aktar għoljin fil-futbol Malti u b’tir speċjali għall-istaġun li ġej li niksbu dak li ma rnexxilniex niksbu matul l-istaġun li għadda.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Bħal kollox fil-ħajja, il-futbol għandu t-tlugħ u l-inżul tiegħu, peró, jekk verament tħobb li qed tagħmel u tagħmlu bid-dedikazzjoni u bil-persistenza, jista’ jkollok karriera sabiħa u ta’ suċċess fil-futbol!