Monday, August 18, 2025

‘L-istaġun li għadda kien bidu ta’ pjan kbir għat-tim tan-nisa ta’ San Ġiljan ASC’ – Rihanna Babiker

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il waterpolo?

Minn meta kont żghira familti kienet tħobb ħafna l-waterpolo. Kont immur nara l-logħob tal-kbar u minn dejjem għoġbitni l-atmosfera u xtaqt inkun qiegħda ġol-ilma mal-plejers. Kelli diġá mħabba lejn il- waterpolo u speċjalment lejn it-tim ta’ San Ġiljan ASC, u meta kelli 10 snin kienet ġiet it-team manager tan-nisa l-iskola u dik kienet l-ahhar botta biex nibda. Minn dak iż-żmien il-waterpolo kellu rwol kbir f’ħajti u ma nistax nimmaġinani mingħajru.

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

L-ewwel sena tiegħi nilgħab il-waterpolo kont nilgħab bħala plejer imma wara li waqaft għal sena u nbidel il-kowċ, meta mort biex nerġa’ nibda, x’ħin rani l-kowċ mill-ewwel qalli li ħa nkun goalkeeper. Għalkemm dan ir-rwol ma kienx għal qalbi, tajtu ċans. Wara l-ewwel darba li intgħażilt mat-tim nazjonali tal-U16 iddeċidejt li l-livell tiegħi ta’ goalkeeper qed jogħla u bilmod il-mod sar jogħġobni aktar. Issa li lgħabt World u European Championship tal-U16, qiegħda trial mat-tim tal-U18 biex nikkompetu fil-European Championship 2025, u qiegħda l-ewwel goalkeeper ta’ San Ġiljan. L-esperjenza turini kemm dan ir-rwol hu wieħed importanti u ta’ responsabbiltá u maż-żmien tkompli tikber l-imħabba tiegħi mhux biss għall-isport imna b’mod partikolari għall-pożizzjoni tiegħi.

Iddeskrivi I-esperjenza preżenti tiegħek ma’ San Ġiljan ASC.

Jien kbirt partitarja ta’ San Ġiljan ASC. Jien flimkien ma’ familti minn dejjem morna naraw il-logħob u minn mindu bdejt nilgħab jien aktar sirt għandi rabta sabiħa ma’ San Ġiljan. Ma’ San Ġiljan sibt nies li jgħinuni nimxi ‘l quddiem u jemmnu fija, u b’hekk għalija t-tim ta’ San Ġiljan  huwa qisu familti. Bil- Kowċ, li dejjem urieni li qiegħed hemm biex jgħinni u jemmen fija, jien għollejt il-livell tiegħi ma’ dan it- tim u issa qed nipprova nagħti xi ħaġa lura lit-tim billi nkun dedikata u dejjem nagħmel l-almu kollu tiegħi biex ngħin lit-tim tan-nisa nersqu ‘l quddiem.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul I-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda kien bidu ta’ pjan kbir għat-tim tan-nisa ta’ San Ġiljan ASC. Permezz tal-kowċ, li dejjem jgħinna nersqu ‘l quddiem u nitjiebu, wasalna għal dan il-livell. Ghal ħafna plejers tat-tim tan-nisa ta’ San Ġiljan kienet l-ewwel darba li dħalna ġo finali, u għalkem tlifna, din kompliet turina li la din l-ewwel sena bħala tim b’dan il-kowċ u ħafna mill-plejers li bdew ma’ San Ġiljan riċentement, għandna futur kbir u sabiħ fil-waterpolo, mhux biss hawn Malta imma anke barra minn xtutna!

Iddeskrivi I-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti.

Li tilgħab mat-tim nazjonali hija xi ħaġa li għandek tkun kburija biha. It-tim tal-U16 tas-sena l-oħra kienet l-ewwel darba li tim tan-nisa fil-waterpolo Malti kkompeta f’World Championship. L-esperjenza tiegħi li kont ġo dan it-tim kienet sabiħa mmens. Biex tilgħab mat-tim nazzjonali irid jkollok dedikazjoni kbira. Mhux biss ikollok taħriġ mat-tim personali, imma trid tlaħħaq man-nazzjonal u dejjem tagħti l-100% tiegħek. Għalkemm ikun hemm żmien ta’ qtigħ il-qalb u fejn tkun għajjiena, fl-opinjoni tiegħi li tilgħab man-nazzjonal biex tirrapreżenta lil pajjiżek hija l-isbaħ esperjenza fl-isport.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Aurelien Cousin?

Il-kowċ, Aurelien Cousin dejjem kien il-kowċ nazzjonali tiegħi. Kull meta ntgħażilt mat-tim nazzjonali hu emmen fit-tim tagħna u wera li jixtieqna nilagħbu l-aħjar li nistgħu. Miegħu komplejt ngħolli l-livell tiegħi fil-waterpolo. Meta jasal iż-żmien li jagħżel il-plejers, hu mhux biss jara kemm il-plejer hi tajjba fil-waterpolo imma wkoll jara l-attitudni u kemm hi lesta li tagħmel sagrifiċċji biex tgħin lit-tim anke meta tiġi għal deċiżjonijiet tqal.  Meta ntgħażilt man-nazzjonal, huwa urieni li dak kollu li qed nissagrifiika għall- waterpolo, se nġibu lura mhux biss billi nilgħab ma’ San Ġiljan imma wkoll mat-tim nazzjonali.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-waterpolo tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Fl-opinjoni tiegħi, il-livell tal-waterpolo tan-nisa f’pajjiżna mhuwiex tajjeb. Kulma hemm tliet timijiet u b’hekk meta jkollna l-logħob ma jkollniex esperjenzi ġodda … dejjem nilagħbu kontra l-istess żewġ timijiet li wkoll wara żmien issir naqra ‘boring’. Ukoll il-logħob tan-nisa ma jagħtuhomx l-importanza li jistħoqqilhom. Għalkemm forsi l-livell qed jogħla xi naqra maż-żmien, jien naħseb li l-plejers nisa tal-waterpolo għandhom ikollhom l-esperjenza u ċ-ċans li jilagħbu fl-istess livell tal-irġiel.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu I-logħob kompetittiv tagħkom? 

Lura fl-2023 sar investiment biex tiftaħ il-Pixxina Ġdida tal-Kottonera. Naħseb li dan kien investiment tajjeb ghax b’hekk kull tim ikollu biżżejjed ħin biex jipprattika l-waterpolo. Issa li wkoll għandna r-riżorsi ġewwa, nistgħu nittrenjaw anke meta jkun hemm temp ikrah. Ukoll peressli l-Pixxina tal-Kottonera hija ‘indoor’, jistgħu jintlagħbu kompettizjonijiet internazzjonali bħaċ-Challenger Cup li ntlagħbet fl-2024.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Jien nixtieq li fil-futur inkompli nilgħab mat-tim nazjonali u nkompli nirrapreżenta lil pajjiżi. Ukoll nixtieq li nkompli nilgħab ma’ San Ġiljan ASC u xi darba ngħolli Tazza mat-tim tiegħi. 

Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-waterpolo

Jien dejjem kont dedikata għal dan l-isport u dejjem emmint li jekk trid futur tajjeb u tixtieq tkun magħrufa, trid taħdem għalija. Biex tilgħab sport trid tkun lesta li tagħmel ħafna sagrifiċċji. Trid titgħallem tqatta’ l-ħin sew u tippjana l-ġranet. Li tkun dedikata mhix faċli imma huwa importanti li tkun dixxiplinata biex tkun tajjba f’li qed tagħmel. Meta ssib nies li ma jemmnux fik jew issib ruħek f’sitwazjonijiet tqal, m’għandekx taqta’ qalbek, anzi, għandek tużaha bħala sforz biex dejjem issir aħjar!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport