Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira, meta ta’ sitt snin, il-ġenituri tiegħi daħħluni fin-nursery ta’ Żabbar St. Patricks FC. Barra minn hekk, kbirt f’familja li l-futbol huwa għal qalbha ħafna. Dejjem kont nara l-logħob ma’ missieri, nannuhi, u hija, u l-interess dejjem żdied. Bħala partitarju ċkejken ta’ AC Milan, kont nammira ħafna lil Zlatan Ibrahimovic għall-mentalità b’saħħitha li kellu u tal-gowls li kien jiskorja.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Fgura United FC.
L-esperjenza preżenti tiegħi ma’ Fgura United FC hi waħda pożittiva ħafna. Ingħatajt l-opportunità li nuri t-talent tiegħi f’tim tal-kbar u saħansitra, bil-prestazzjonijiet konsistenti li kelli, spiċċajt lgħabt il-logħob kollha. Inħoss li l-fiduċja u r-rspett li urieni dal-klabb irreċiprokajtu fil-grawnd, u kien staġun ta’ suċċess, kemm fuq livell personali, kif ukoll kollettiv. L-ambjent huwa trankwill, anka f’mumenti diffiċli, u tħoss li tista’ tesprimi ruħek bl-aqwa mod possibbli, mingħajr biża’ li xi ħadd ħa jiġġudikak.
X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda għal Fgura United FC fil-BOV Challenge League?
L-istaġun li għadda kien wieħed mimli emozzjonijiet għal Fgura United FC. Kellna bidu iebes ħafna, fejn tlifna ħamsa mill-ewwel seba’ logħbiet. Kien mument diffiċli ħafna għal kulħadd, fejn bdiet tiżdied il-pressjoni, iżda kif diġà għidt, l-ambjent baqa’ wieħed tajjeb, fejn komplejna naħdmu għal riżultati aħjar. B’ħafna xogħol, u b’xi akkwisti li għamel il-klabb f’Jannar, dawwarna l-paġna, u għalkemm ma rnexxielniex, bqajna nissieltu għal post mal-aħjar tmienja sal-aħħar ġurnata, iżda tlifna dal-post b’punt biss. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb, irbaħna erba’ logħbiet konsekuttivi, u aktar tard, fl-aħħar seba’ logħbiet tal-lig, irbaħna ħames logħbet konsekuttivi. Kien ukoll staġun importanti għax għall-ewwel darba fl-istorja, it-tim tal-minors rebaħ il-promozzjoni għal Section A bħala champions ta’ Section B, u għalkemm kelli sehem vera minimu f’dan is-suċċess, inħossni onorat li kont parti minn dan it-tragward.
U fuq il-kowċ, Kevin Vella?
Il-kowċ Kevin Vella huwa kowċ bravu ħafna, u kapaċi jati soluzzjoni għal kull problema li tista’ tinħoloq fil-grawnd. Barra minn hekk, hu kowċ umli li tieħu pjaċir titkellem miegħu, u dejjem lest li jgħin lil dak li jkun, kemm fil-grawnd, kif ukoll barra. L-iżjed karatteristika tajba li għandu hi li fl-iktar mumenti ħżiena, ikun lest li jxammar il-kmiem u jaħdem aktar minn qatt qabel biex jgħin lit-tim tiegħu. Barra minn hekk, isegwi mill-qrib it-timijiet iż-żgħar u dejjem juri interess fil-futur tal-klabb.
U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici?
M’għandi xejn ħlief tifħir għall-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici. Fil-klabb tal-Fgura hemm interess totali f’kull kategorija, miż-żgħar nett sat-tim tal-kbar, u jsir xogħol bla waqfien għall-benefiċċju tat-timijiet kollha. Ma nistax ma nsemmix il-fatt li hemm bosta membri tal-kumitat li huma volontarjati, li l-interess waħdieni tagħhom huwa li sena wara sena, it-tim tal-Fgura jibqa’ jagħmel progress. Fil-fatt, fi spazju ta’ ħames snin, it-timijiet kompetittivi ta’ dal-klabb rebħu diversi promozzjonijiet mil-livelli l-aktar baxxi, biex illum kollha qed jilgħabu f’Section A. Dan juri x-xogħol siewi li qed isir fi ħdan dan il-klabb, u l-interess ħolistiku li hemm biex il-futur ikun wieħed sabiħ.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?
Fl-istaġun li ġej, qed nimmiraw li nikkompetu mal-aqwa timijiet fil-kampjonat. Nixtiequ li għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb, niksbu post mal-ewwel tmienja, tragward li f’dawn l-aħħar tliet snin, dan il-klabb naqas li jilħaq b’punt wieħed biss. Nemmen li mexjin fid-direzzjoni t-tajba biex ikollna staġun mill-aqwa, u biex inkomplu nuru l-progress li l-klabb tal-Fgura qed jagħmel sena wara sena.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Birkirkara FC, fejn lgħabt ukoll fil-Malta Premier.
Qattajt erba’ snin ma’ Birkirkara FC fejn kelli l-opportunità li nittrenja u nilgħab ma’ wħud mill-aqwa plejers ta’ Malta, kemm tal-età tiegħi, kif ukoll tal-kbar. Missejt l-ogħla livell tal-futbol Malti fejn lgħabt xi logħbiet fil-Malta Premier, u esperjenzajt ir-rebħ tal-FA Trophy.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol bi tbissima, u ninsab ħerqan biex inkompli nitjieb sena wara sena. Mumenti diffiċli dejjem se jkun hemm, iżda l-fatt li dejjem żammejt sod u kont persistenti anka meta kont affaċċjat b’diversi sfidi ibsin, itini l-kuraġġ li nibqa’ miexi ‘l quddiem u nkun lest li naffaċċja dawn l-isfidi bl-aqwa mod possibbli.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għal kull min jixtieq li jkollu karriera ta’ suċċess fil-futbol, l-aktar ħaġa importanti hija li jiġri x’jiġri, tibqa’ miexi ‘l quddiem. Is-sabiħ tal-futbol hu li sakemm tibqa’ tipprova, dejjem ikollok ċans ieħor jekk ma tirnexxix mall-ewwel. Kien hemm ħafna mumenti diffiċli fejn ħsibt li ma kien hemm l-ebda ċans li noħroġ minnhom, imma peressli bqajt nissielet, dejjem irnexxieli negħleb kull ostaklu li kelli quddiemi, u hekk se nibqa’ nagħmel fil-futur!