Friday, June 6, 2025

L-ISTAĠUN TAL-FESTI MAGĦNA

Aqra wkoll

Issa li dalwaqt jiftaħ l-istaġun tal-festi fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin, li huma riflessjoni tar-reliġjożità tal-poplu kollu kif ukoll tal-kultura li ilna nħaddnu għal mijiet ta’ snin, hemm bżonn li t-tradizzjonijiet li jġibu magħhom dawn il-festi jiġu ppreservati mhux biss għal dawk li għad iridu jiġu warajna imma wkoll għall-fatt li għandhom potenzjal turistiku għal pajjiżna.

Il-festi f’pajjiżna għadhom popolari u mfittxija minn eluf ta’ nies, mhux biss min-nies tal-lokal imma wkoll nies minn bnadi oħra li jħobbu jżuru l-festi fl-irħula u fl-ibliet. Minbarra li l-festi huma element ta’ folklor, huma wkoll wirt li ħallewlna ta’ qabilna. Dan kollu kien rikonoxxut ukoll mill-UNESCO li nkludiet il-festa Maltija fil-lista tagħha tal-Wirt Intanġibbli tal-Umanità.

Fl-isfond ta’ dan kollu, wieħed ta’ min ifaħħar il-ħidma kontinwa mill-ħafna voluntiera li jaħdmu qatigħ matul is-sena kollha bi preparazzjoni għall-ġimgħa tal-festa. Jiġuna f’moħħna l-organizzazzjonijiet volontarji relatati mal-festi bħal każini tal-baned, organizzazzjonijiet tal-armar tal-festi u assoċjazzjonijiet tal-kmamar tan-nar. 

Il-ħidma mprezzabbli tagħhom qed jirrikonoxxiha wkoll il-Gvern tant li minn sena għall-oħra qed ikompli jżid l-allokazzjoni għall-festa Maltija u b’hekk ikompli jappoġġja u jissalvagwardja dawn it-tradizzjonijiet. Kienet għaqlija wkoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jixtri numru ta’ sede ta’ Soċjetajiet Mużikali kif ukoll bl-għajnuna diretta u indiretta li qiegħed jagħti biex il-festi jibqgħu ħajjin. 

Apparti dan kollu, parti essenzjali mill-festi tagħna hija l-piroteknika, li f’dawn iż-żminijiet tkun imfittxija sew minn bosta. Filwaqt li dan huwa xogħol li juri l-ħila u l-kreattività tad-dilettanti f’dan il-qasam, nittamaw li waqt li jkun qed jinħadem in-nar isir kollox b’kawtela biex nevitaw id-diżgrazzji u l-inċidenti bla bżonn. 

Għalhekk, issa l-istaġun tal-festi jinsab fuq l-għatba, nawguraw li jkollna staġun mill-aqwa bħalma kien fis-snin l-imgħoddija u kulħadd jiċċelebra kif jixraq il-festa tal-lokal li fuq kollox hija parti mill-kultura u l-identità Maltija. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport