L-istaġun 2025/26 tal-MAFA jibda nhar l-20 ta’ Settembru li ġej hekk kif iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni Għaxaq Wolves jaffaċċjaw lir-rebbieħa tal-kompetizzjoni KO Marsa St Michael. Fl-istess ġurnata se tkun qed tintlagħab it-Twanny Agius Fair Play Cup hekk kif Ta’ Ġiorni Wanderers, Senglea Gunners u Naxxar Victorians jilagħbu turnew triangolari bejniethom.
Din is-sena se jkun hemm 17-il tim li se jikkompetu f’din l-assoċjazzjoni hekk kif Għaxaq Wolves, Marsa St Michael, Senglea Gunners, Valletta Stars St Dominic, Valletta St Paul’s, San Ġwann Pro Evolution Academy, Balluta Barracudas u San Ġiljan Saints se jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni.
Mill-banda l-oħra, Mqabba Albions, Ta’ Ġiorni Wanderers, Attard Edex Kings, St Paul’s Bay NMFC, Gudja Wanderers, Naxxar Victorians, Swieqi United AFC, Ħamrun Sporting u Birżebbuġa St Peter’s AFC se jikkompetu fit-tieni diviżjoni. Eventwalment, it-timijiet se jinqasmu bejn it-tieni u t-tielet diviżjoni wara li jgħaddi l-ewwel round.
Matul dan l-istaġun se jkun hemm ukoll il-kompetizzjoni KO kif ukoll u t-tazza tas-70 anniversarju li se jkun avveniment speċjali biex ifakkar dawn is-snin kollha kemm ilha teżisti din l-assoċjazzjoni.