Friday, January 23, 2026

L-istampa kollha dwar id-dejn pubbliku

Aqra wkoll

Mhux l-ewwel darba li smajna esponenti tal-Partit Nazzjonalista jippruvaw jbeżżgħu lill-poplu biċ-ċifra tad-dejn pubbliku u saħansitra jipparagunawha maċ-ċifra kif kienet fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista. Ma nara xejn ħażin li tagħmel paragun SAKEMM  tippreżenta l-istampa  sħiħa. Xi ħaġa li tal-Partit Nazzjonalista ma jagħmlux. Mhux għax ma jafux kif imma għax ma jaqblilhomx. Għax jekk jagħmlu hekk jinkixfu li jridu jingannaw.

Kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana mhux l-ewwel darba li spjegaw kif id-dejn pubbliku huwa sostenibbli u li s-sitwazzjoni dwaru hija ferm u ferm aħjar minn kif kienet taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.

X’inhi s-sitwazzjoni reali? Is-sena li għadha kemm għaddiet id-dejn pubbliku qabeż il-€11-il biljun u din is-sena mistenni jitla’ għal €12.5 biljuni. Meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2004, taħt Gvern Nazzjonalista, id-dejn pubbliku kien ta’ €3.4 biljuni. Għoxrin sena wara, fis-sena 2024, allura taħt Gvern Laburista, din iċ-ċifra ttripplat.

Kieku kellek tieqaf hemm, kif iriduk tagħmel tal-Partit Nazzjonalista, ikollok tasal għal ċerta konklużjoni. Imma dawk iż-żewġ ċifri, anke jekk kwotati tajjeb, huma biss PARTI minn stampa u mhux stampa sħiħa. Min jieqaf f’dak l-istadju jkun irid jinganna. Hekk qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.

Qrajt intervista  li l-gazzetta MaltaToday kellha l-Ħadd li għadda, 11 ta’ Jannar, mal-Gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali Alexander Demarco. Fl-intervista, fost affarijiet oħra, ġie trattat id-dejn pubbliku. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ġie kwotat jgħid li s-sostenibilità tad-dejn pubbliku l-aħjar li titkejjel huwa billi tipparagunaha mal-Prodott Gross Domestiku (GDP) għax dak li tipproduċi jista’ jgħinek tistma’ d-dħul potenzjali li Gvern jista’ jiġġenera biex jiffinanzja l-ispiża tiegħu.

Fir-rigward ta’ pajjiżna għalkemm f’dak li huwa volum id-dejn pubbliku kiber bi tliet darbiet ta’ dak li kien meta sirna membri tal-Unjoni Ewropea d-dħul mis-salarji u l-profitti kiber b’ritmu aktar mgħaġġel, b’mod li kien jippermetti li l-pajjiż jiflaħ dejn ogħla f’termini ta’ flus.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ġie kwotat jgħid li “meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea fis-sena 2004, id-dejn pubbliku kien jirrifletti 71.2% tal-Prodott Gross Domestiku u kien  jammonta għal €3.4 miljuni. Sas-sena 2024, id-dejn pubbliku tal-pajjiż kiber bi tliet darbiet f’termini ta’ ewro imma f’termini ta’ Prodott Gross Domestiku niżel għal 46.2%. Dan  waqt li bħala Żona Ewro dan il-persentaġġ żdied. Huwa ċar, li s-sitwazzjoni ta’ Malta fir-rigward ta’ dejn pubbliku tjiebet u hija ferm aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.”

Aktar minn hekk il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali rrefera wkoll  għall-konklużjoni li wasal għaliha l-Fond  Monetarju Internazzjonali (IMF) fir-rapport tiegħu dwar Malta f’Diċembru li għadda dwar id-dejn pubbliku Malti. Ir-rapport jgħid li “d-dejn pubbiku (Malti) fis-sitwazzjoni kurrenti ta’ madwar 47% tal-Prodott Gross Domestiku, jipprovdi lqugħ sinifikanti għal xokkijiet f’ambjent globali li qed jiżdied fir-rigward ta’ bidliet mhux mistennija.”

Fi ftit kliem: taħt Gvern Nazzjonalista d-dejn pubbliku kien jiekol 71.2% ta’ dak li nipproduċu. Taħt Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela d-dejn pubbliku jiekol 46.2% ta’ dak li nipproduċu. Dan huwa dak li jirriżulta meta tħares lejn l-istampa sħiħa.

Jien għidtlek li meta l-Partit Nazzjonalista jurik parti biss mill-istampa jkun irid iqarraq bik. Issa f’idejk għal liema konklużjoni tasal. Sadattant naħseb li l-Partit Laburista jagħmel tajjeb jekk jirribatti għal kull attentat ta’ ingann min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Jesponi l-fatti b’mod immedjat.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport