Fil-messaġġ tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen enfasizzat li l-għażla quddiem l-Ewropa hi ċara u l-messaġġ tagħha kien wieħed favur l-għaqda bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u bejn il-forzi demokratiċi fil-Parlament Ewropew. “Lesti li nsaħħu l-maġġoranza demokratika favur l-Ewropa. Għax hija l-uniku waħda li tista’ tagħti riżultati għall-Ewropej,” qalet von der Leyen.
Fid-diskors tagħha, hija rreferiet ukoll għall-inċident ta’ matul il-lejl meta d-drones Russi ivvjolaw l-ispazju tal-ajru tal-Polonja. Hija qalet li “llum stess rajna ksur traskurat u bla preċedent tal-ispazju tal-ajru tal-Polonja u tal-Ewropa minn aktar minn 10 drones Russi”.
“Il-messaġġ ta’ Putin huwa ċar, u r-rispons tagħna jrid ikun ċar ukoll. Għandna bżonn aktar pressjoni u aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja biex tiġi fuq il-mejda tan-negozjati”.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea semmiet ukoll li l-Unjoni Ewropea qed tħdem fuq id-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet f’koordinazzjoni mal-imsieħba. Qalet li fost oħrajn il-blokk qed iħares b’mod partikolari lejn it-tneħħija tal-fjuwils fossili Russi aktar malajr.
Fl-istess ħin li sostniet li l-Ewropa teħtieġ tagħti aktar appoġġ għall-Ukrajna, qalet li ħadd ma kkontribwixxa daqs l-Ewropa, kważi 170 biljun ewro f’għajnuna militari u finanzjarja s’issa u se jkun hemm bżonn ta’ aktar.
Kompliet tgħid li m’għandhomx ikunu biss il-pajjiżi Ewropej li jġorru l-piż ta’ dan. “Din hija l-gwerra tar-Russja u hija r-Russja li għandha tħallas.” saħqet von der Leyen.
Intant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea żvelat ukoll li flimkien mal-Ukrajna u ma’ msieħba oħra se tospita summit tal-koalizzjoni internazzjonali għar-ritorn ta’ tfal Ukreni li kienu nħatfu mir-Russi u li ħandhom jiġu ritornati. “Din il-gwerra jeħtieġ li tintemm b’paċi ġusta u dejjiema għall-Ukrajna għaliex il-libertà tal-Ukrajna hi l-libertà tal-Ewropa, qalet von der Leyen.
Dwar il-gwerra fl-Ukrajna, hi sostniet ukoll li l-ekonomija tal-gwerra ta’ Putin mhux se tieqaf, anke jekk tieqaf il-gwerra. Dan ifisser li l-Ewropa trid tkun lesta li tieħu r-responsabbiltà għas-sigurtà tagħha stess.
“Dak li qed jiġri f’Gaża heżżeż il-kuxjenza tad-dinja”
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea rreferiet ukoll għall-gwerra fil-Lvant Nofsani u qalet li dak li qed jiġri f’Gaża heżżeż il-kuxjenza tad-dinja. “Persuni maqtula waqt li jkunu qed jittallbu għall-ikel. Ommijiet li jżommu trabi bla ħajja. Dawn l-immaġnijiet huma sempliċiment katastrofiċi. Il-ġuħ ikkawżat mill-bniedem qatt ma tista’ tkun arma tal-gwerra. Fl-interess tat-tfal, għal raġunijiet ta’ umanità – dan għandu jieqaf.”
Hija qalet li l-Kummissjoni Ewropea se tagħmel dak kollu li tista’ waħedha. Se nissospendu l-appoġġ bilaterali tagħna lil Iżrael. Se nwaqqfu l-pagamenti kollha f’dawn l-oqsma — mingħajr ma naffettwaw il-ħidma tagħna mas-soċjetà ċivili Iżraeljana jew ma’ Yad Vashem.
“Se nipproponu sanzjonijiet fuq il-ministri estremisti u fuq l-abitanti vjolenti tal-insedjamenti. U se nipproponu wkoll sospensjoni parzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Se nistabbilixxu Grupp ta’ Donaturi tal-Palestina x-xahar id-dieħel — inkluż strument iddedikat għar-rikostruzzjoni ta’ Gaża. Dan se jkun sforz internazzjonali mas-sħab reġjonali. U se jibni fuq il-momentum tal-Konferenza ta’ New York organizzata minn Franza u l-Arabja Sawdija.”
L-għan tal-Ewropa minn dejjem kien l-istess. Sigurtà reali għal Iżrael u preżent u futur sikur għall-Palestinjani kollha. U dan ifisser li l-ostaġġi jridu jiġu meħlusa. Li għandu jkun hemm aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-għajnuna umanitarja kollha. U li għandu jkun hemm waqfien mill-ġlied immedjat.
“Iżda fit-tul, l-uniku pjan ta’ paċi realistiku huwa wieħed ibbażat fuq żewġ Stati. Jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà. B’Iżrael sigur, awtorità Palestinjana vijabbli u l-pjaga tal-Ħamas imneħħija.
“Dan huwa dak li l-Ewropa dejjem irrappreżentat. U wasal iż-żmien li ningħaqdu flimkien u ngħinu biex dan iseħħ,” tenniet von der Leyen.
Dwar il-kompetittività u s-suq uniku, il-President von der Leyen enfasizzat li euro diġitali u l-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti se jagħmlu l-ħajja aktar faċli kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-konsumaturi. Hija ħabbret “Scaleup Europe Fund” ta’ diversi biljuni ta’ ewro Dan il-fond għandu jinvesti f’kumpaniji ġodda li qed jikbru malajr f’oqsma kritiċi tat-teknoloġija. Hija ħabbret ukoll pakkett intitolat “Battery Booster” biex tingħata spinta lill-produzzjoni fl-Ewropa, “Att dwar l-Impjiegi ta’ Kwalità” u strateġija Ewropea kontra l-faqar biex tgħin fil-qerda tal-faqar sal-2050.