Il-każijiet ġodda ta’ coronavirus reġistrati f’jum wieħed fl-Istati Uniti laħqu numru rekord, b’aktar minn 50,000 persuna jirriżultaw pożittivi għall-coronavirus f’24 siegħa.
L-istatistika tindika li r-rata tal-infezzjonijiet ġodda issa tinsab tiela’ f’40 minn 50 stat.
L-aktar stat milqut huwa dak ta’ Florida, li rrapporta 10,109 każ. Dan jimmarka l-akbar numru ta’ każi ġodda reġistrati f’jum wieħed, wara li fil-jum preċedenti kienet irreġistrat 6,563.
B’kollox l-Istati Uniti rrapportat aktar minn 128,000 imwiet ikkaġunati mill-coronavirus, kważi kwart tal-imwiet totali madwar id-dinja.
Dr Anthony Fauci, l-espert dwar il-mard infettiv fl-amministrazzjoni Trump, qal li hemm tħassib li sptarijiet jispiċċaw bla sodod disponibbli fit-taqsimiet ta’ kura intensiva.