L-Istati Uniti immexxija mill-President Donald Trump, li proprju ftit ġimgħat ilu kien tkellem apertament li ried il-Premju Nobel għall-Paċi, fl-aħħar sigħat saħħet b’mod qawwi il-kapaċità militari tagħha fil-Golf Għarbi. Dan qed jitqies bħala li m’hu xejn għajr theddid lejn l-Iran fi żmien meta kienu għaddejjin negozjati biex jintlaħaq ftehim mal-Iran.
Jekk wieħed ikollu jara l-movimenti militari li seħħew proprju fl-aħħar sigħat wieħed isib li xejn inqas minn 12-il ajruplan tat-tip Stealth F-22 Raptor telqu mill-Istati Uniti. Sitta sa nhar il-Ġimgħa kienu diġà waslu fl-RAF ta’ Lakenheath, u s-sitta l-oħra waslu wara u komplew triqithom lejn il-Lvant Nofsani. Kollox jindika li dawn niżlu fil-Bażi tal-Ajru ta’ Al Udeid, li ospitat F-22 fil-passat.
Telqu ukoll 36 ajruplan tat-tip F-16. Żewġ ajruplani E-3 Sentry AWACS oħra qed jippreparaw biex jitilqu lejn il-Bażi tal-Ajru ta’ Ramstein, fejn se jingħaqdu ma’ tnejn oħra li waslu fil-jiem li għaddew.
Ajruplan tat-tip E-11A Battlefield Airborne Communications Node (BACN) huwa maħsub li jasal fil-Bażi tal-Ajru ta’ Ramstein fil-Ġermanja qabel ma jmur lejn il-Lvant Nofsani. Diġà hemm tlett BACN fil-Bażi tal-Ajru ta’ Prince Sultan.
Ajruplan ta’ rikonoxximent U-2 Dragon Lady telaq mill-RAF Fairford fir-Renju Unit u dan ukoll kien jidher li sejjer lejn il-Lvant Nofsani, għalkemm jista’ jkun li dan mar lejn Ċipru jew il-Bażi tal-Ajru ta’ Prince Sultan. Il-U-2 għandu rwol ewlieni bħala pont ta’ komunikazzjoni bejn l-F-22 u l-F-35.
Dan il-manuvrar li sar biex joħloq pressjoni fuq l-Iran hekk kif il-President Trump wera l-ħsieb tiegħu li jiffirma ftehim nukleari komprensiv mal-Iran. L-Istati Uniti irrimarkat ftit jiem ilu li t-taħdidiet għamlu progress sinifikanti fin-negozjati mal-Iran dan ix-xahar, iżda ġie dikjarat li l-azzjoni militari għadha fuq il-mejda.
Trump qal ukoll li n-nies se jsiru jafu dwar attakki militari possibbli fuq l-Iran “fl-10 ijiem li ġejjin probabbilment.”
Irid jingħad li fost l-aktar tagħmir militari imċaqalqin lejn ir-reġjun dan l-air craft carrier USS Gerald Ford, li qabel kienet stazzjonata fil-Karibew. Jidher li sistemi addizzjonali ta’ difiża tal-ajru bbażati fuq l-art, inklużi s-sistemi Terminal High Altitude Area Defense (THAAD) u Patriot Missile Defense, allegatament intbagħtu lejn ir-reġjun f’Jannar.
L-Istati Uniti qiegħda tinsisti b’mod konsistenti li l-Iran iżarma l-programm nukleari tiegħu jew jiffaċċja azzjoni militari mill-Istati Uniti. Wara għadd ta’ diskussjonijiet is-sena l-oħra, fejn Tehran irrifjuta li jabbanduna l-programm tal-uranju, Iżrael nieda serje ta’ attakki preventivi fuq l-Iran f’Ġunju li malajr ġew segwiti minn attakki mmirati minn ajruplani tat-tip B-2 tal-Istati Uniti fuq siti Iranjani marbutin ma’ proċessi nukleari.
F’Jannar wara li l-Iran beda jispara fuq persuni li kienu qegħdin jipprotestaw, l-Istati Uniti reġgħet bdiet bit-theddid ta’ azzjoni militari, din id-darba appella lill-Iran biex iżarma l-programm nukleari tiegħu flimkien mal-missili li kapaċi jilħqu distanzi twal.

