Tuesday, January 20, 2026

“L-Istati Uniti qed taġixxi b’impunità” – Antonio Guterres, Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Aqra wkoll

Il-politika li miexi biha l-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li jaħseb li ħadd u xejn ma jista’ għalih, u xħin irid jista’ jaqbad u jaħtaf territorju sovran, qanqal it-tħassib tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) Antonio Guterres li qal li l-Istati Uniti qed taġixxi b’impunità u temmen li l-poter tagħha huwa aktar importanti mil-liġi internazzjonali. 

Antonio Guterres, li kien qed jagħti intervista lill-programm Today ta’ BBC Radio 4,  qal li l-“konvinzjoni ċara” tal-Istati Uniti llum hija li s-soluzzjonijiet multilaterali mhumiex rilevanti. Dak li hu importanti, kompla jgħid, kien “l-eżerċizzju tal-poter u l-influwenza tal-Istati Uniti.”

Il-kummenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ġew ġimgħat wara li l-Istati Uniti attakkaw lill-Venezwela u ħatfu lill-president tagħha Nicolas Maduro – u wkoll fil-kuntest tat-theddid ta’ Donald Trump li jannessa l-gżira ta’ Greenland.

Il-midja internazzjonali rrapportat li Donald Trump dejjem kien aħrax man-Nazzjonijiet Magħquda. Saħansitra huwa uża d-diskors tiegħu fl-Assemblea Ġenerali ta’ Settembru li għadda biex jitfa’ dubji fuq l-iskop proprju tagħha, fejn sostna li kien huwa li “temm seba’ gwerer” waħdu u n-NU lanqas biss ippruvat tgħinu f’xi waħda minnhom.

Meta ġie ppreżentat b’din il-valutazzjoni ikkundannabbli, Guterres ammetta li l-organizzazzjoni tiegħu kienet qed titħabat biex il-membri jirrispettaw il-liġijiet internazzjonali stabbiliti fiċ-Charter tan-NU.

In-NU kienet “impenjata ħafna” fis-soluzzjoni ta’ kunflitti globali ewlenin, insista Guterres. “Iżda n-NU m’għandhiex ingranaġġ – il-potenzi l-kbar għandhom ingranaġġ aktar b’saħħtu.”

Guterres qal ukoll li l-organizzazzjoni tiegħu kellha bżonn riforma biex tindirizza l-problemi u l-isfidi drammatiċi li qed jiffaċċjaw il-193 membru tagħha. Huwa rrimarka li hemm min jemmen li l-poter tal-liġi għandu jiġi sostitwit bil-liġi tal-poter. 

“Tabilħaqq, meta wieħed jara l-politika preżenti tal-Istati Uniti, hemm konvinzjoni ċara li s-soluzzjonijiet multilaterali mhumiex rilevanti u li dak li jimporta huwa l-eżerċizzju tal-poter u l-influwenza tal-Istati Uniti u xi kultant f’dan ir-rigward min-normi tal-liġi internazzjonali”.

Huwa saħaq li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU – imfassal biex iżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali – ma baqax “effettiv” u lanqas baqa’ jirrappreżenta lid-dinja.

Fakkar li kull wieħed mill-pajjiżi membri permanenti tal-kunsill tas-sigurtà – Franza, iċ-Ċna, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti – jista’ juża l-veto fuq riżoluzzjonijiet. Kemm ir-Russja kif ukoll l-Istati Uniti użaw din is-setgħa biex ifixklu l-isforzi globali biex jintemmu l-gwerer fl-Ukrajna u f’Gaża.

Guterres sostna li l-veto kienu qed jintużaw biex ikopru l-interessi tal-membri individwali, u kkritika l-fatt li “tliet pajjiżi Ewropej” kienu membri permanenti.

Huwa appella għal bidliet fil-kompożizzjoni tal-kunsill – biex terġa’ tinkiseb il-leġittimità u jingħata leħen lid-dinja kollha – biex jiġu limitati s-setgħat tal-veto u biex jiġu evitati imblukkar inaċċettabbli.

Guterres – eks prim ministru tal-Portugal – ħa l-kariga ta’ mexxej tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2017, u se jħalli din il-kariga fi tmiem din is-sena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport